Ix-xogħol fuq il-proġett tax-shore-to-ship fil-Port Ħieles mistenni jibda f’Ġunju li ġej, wara li ħarġu t-tenders u l-proġett ġie approvat.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Port Ħieles ingħataw l-aħħar dettalji b’rabta ma’ dan il-proġett, li mistenni jieħu sentejn biex jitlesta.
B’investiment ta’ €13-il miljun, dan il-proġett se jara li l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fl-arja jonqsu b’erbat elef kull sena. Dan huwa ekwivalenti għal 1,900 karozza fiċ-ċirkulazzjoni, it-tħawwil ta’ 130,000 siġra jew daqs il-kont tad-dawl ta’ 1,200 familja.
Il-Ministru responsabbli mill-Port Ħieles, Silvio Schembri fakkar kif se jaħdem il-proġett.
“Dan huwa proġett li ħa jkun qed iġib bidla fl-operat fis-sens li issa l-vapuri li jsorġu mal-Freeport, flok jibqgħu għaddejjin bil-magni mixgħulin u allura iktar tniġġis u iktar storbju fil-madwar, ħa jkunu qegħdin jitfu l-magni u jqabbdu ma’ dis-sistema tal-elettriku biex jonqsu l-ħsejjes kif ukoll l-emissjonijiet fil-madwar.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi fakkar li dan huwa t-tieni proġett ta’ shore-to-ship f’pajjiżna flimkien ma’ dak fil-Port il-Kbir, b’fondi Ewropej.
“Fin-negozjati li għamilna meta ksibna l-akbar pakkett finanzjarju min-naħa tal-Unjoni Ewropea, ksibna madwar tlieta u tletin miljun ewro li fost il-proġetti li identifikajna mill-bidu li għandhom isiru permezz ta’ dawn il-fondi huwa proprju x-shore-to-ship fil-Freeport. Dan huwa wkoll proġett li huwa parti minn qafas iktar wiesgħa ta’ diversi proġetti li se jsiru b’fondi Ewropej biex innaqqsu l-emissjonijiet u jkollna d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Is-sena l-oħra, kien hemm żieda ta’ għoxrin fil-mija fin-numru ta’ kontejners li għaddew mill-Port Ħieles u kulma jmur l-operat u l-attività f’dan il-port qed jiżdiedu.
B’dan il-proġett, ir-residenti ta’ Birżebbuġa se jkollhom inqas tniġġiż fl-arja u storbju minħabba l-vapuri.