F’Ġunju n-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol naqas b’aktar minn 2,500 ruħ.
Dan ħareġ minn statistika uffiċjali maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, meta wieħed iqabbel in-numru ta’ persuni qiegħda f’Ġunju li għadda ma’ Ġunju tas-sena l-oħra.
Filwaqt li fis-sitt xahar tas-sena l-oħra, in-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol kien ta’ 4,270, f’Ġunju li għadda n-numru niżel għal 1,711.
Meta wieħed imbagħad iqabbel Ġunju li għadda ma’ xahar qabel isib li l-qgħad ukoll naqas bi kważi 300 persuna.
Dan hekk kif f’Mejju n-numru ta’ persuni qiegħda kien ta’ 2,001.
L-istatistika tal-NSO nnutat ukoll li naqas b’mod qawwi anki dawk li ilhom ifittxu xogħol taħt il-21 ġimgħa.
Fil-fatt filwaqt li f’Ġunju tas-sena l-oħra kien hemm 2,907 persuni f’din il-kategorija, f’Ġunju li għadda kien hemm 554 persuna.
Anki meta jitqabbel ma’ Mejju li għadda, f’Ġunju ta’ din is-sena kien hemm aktar minn 150 ħaddiem inqas ifittxu xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa.
B’din l-aħħar statistika issa jfisser li Malta ilha aktar minn sena, b’mod konsekuttiv tirreġistra tnaqqis fil-qgħad waqt pandemija.
Il-qgħad ilu jonqos minn Ġunju tas-sena l-oħra, wara li kienet laqtitna l-imxija.
Issa l-qgħad saħansitra huwa inqas minn dak li kellna qabel il-pandemija.
Intant fi tweet il-Prim Ministru Robert Abela nnota dawn iċ-ċifri pożittivi fis-settur tax-xogħol u qal li f’Ġunju 136 persuna Għawdxija kienu qed jirreġistraw għax-xogħol.
Dan huwa l-inqas numru fl-istorja u sitt darbiet inqas min-numru t’Għawdxin qiegħda fl-2013.
Saħaq li l-politika progressiva tal-Gvern tassew qed toħloq prosperità ġdida.