Is-sħana b’temperaturi għoljin u xemx taqli l-ġrieden f’dawn il-jiem mistennija tippersisti, il-mewġa tas-sħana f’Ġunju kienet tiżboq din ta’ bħalissa.
Għal tnax-il jum konsekuttiv f’Ġunju, Malta esperjenzat l-itwal mewġa ta’ sħana f’dawn l-aħħar għaxar snin.
Iżda qalb dawn it-temperaturi Sajfin u għoljin, x’għandha differenti mewġa ta’ sħana?
It-tweġiba sibniha fl-uffiċċju meterjoloġiku fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Qalet, “Mewġa tas-sħana hija meta t-temperatura tilħaq ħames gradi aktar min-norma għal tlett ijiem jew iktar iġifieri minn tal-inqas irid ikollok tlett ijiem.”
Martina Gatt spjegat li mewġ ta’ sħana huma normali iżda mewġa matul Ġunju ħadithom kemxejn b’sorpriża.
Spjegat, “Fil-verità kull sena jkollna heatwave iġifieri mhux xi ħaġa li m’aħniex nistennew però din is-sena iva rajna waħda mill-itwal li ġiet anki f’Ġunju fejn issoltu qisna nistennewhom aktar lejn Lulju, Awwissu.”
Lil Gatt saqsejniha wkoll dwar dawk il-fatturi li jwasslu għal mewġa ta’ sħana.
Qalet, “Ovvjament it-temperatura għolja hija waħda minnhom u mbagħad għandek, jekk per eżempju jkollok riħ ħafif bħalma qed naraw bħalissa li jkun riħ varju bilkemm jilħaq, forza veru baxxa ġeneralment ikun forza 2 jew l-iktar l-iktar 3 li ovvjament ma ċċaqlaqx l-arja u l-pressjoni għolja tibqa’ staġnata fuqna kif qed naraw bħalissa, dan l-aħħar.”
B’rabta mat-temperaturi tat-temp, il-bassara qaltilna li t-temperaturi li jiġu ppubblikati kuljum fuq is-sit tal-mitjar Malti, huma temperaturi f’żoni dellija u mhux fix-xemx dirett.
Qalet, “Temperaturi li noħorġu aħna jittieħdu fid-dell mbagħad magħhom nagħmlu dik li nsejħulha ‘li tinħass’, ‘feels like’. Dik ovvjament hija aktar relattiva ta’ kif tħossha barra.”
Il-Ġimgħa, tletin ta’ Lulju bdiet it-tieni mewġa għal dan is-sajf li mistennija ddum sitt ijiem.
Sostniet, “Ifhem, hu kmieni biex tgħid però ma neskludix il-fatt li jkollna xi oħra, iva.”
Gatt temmet tgħidilna li bħalissa l-indiċi UV jlaħħqu ħdax u saħansitra tnax. Dawn jirriflettu l-qawwa tax-xemx, liema raġġi huma ta’ detriment qawwi għall-bniedem.