Fl-aħħar ġimgħa, ngħataw 789 taħrika minn 5,768 spezzjoni marbuta mal-osservanza tal-miżuri tas-saħħa b’rabta mal-imxija.
Dawn l-ispezzjonijiet saru minn uffiċjali tal-pulizija, flimkien ma’ uffiċjali tat-Transport Malta, uffiċjali mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali.
Minn dawn il-multi, 706 multi ngħataw hekk kif kien hemm ksur tal-obbligu li tintlibes il-maskra, filwaqt li 56 persuna ngħataw multa hekk kif kienu fi grupp ta’ iżjed minn sitt persuni. 27 multa oħra ngħataw hekk kif kien hemm ksur ta’ regolamenti għal stabbilimenti jew organizzazzjoni ta’ avvenimenti mhux permessi skont l-avviż legali maħruġ mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Minn dawn il-multi, ftit aktar minn 500 multa ngħataw mill-pulizija.
Matul il-jum tas-Sibt kien hemm iċ-ċelebrazzjonijiet ġewwa l-Ħamrun wara r-rebħa ta’ Ħamrun Spartans f’logħba valida fil-Kampjonat Premier kontra Hibernians. Hemmhekk il-pulizija wkoll ħarġet il-multi.
Il-Ħadd waranofsinhar il-pulizija flimkien mal-uffiċjali ta’ Transport Malta qabdu madwar 60 persuna, il-maġġoranza tagħhom anzjani jilagħbu t-tombla f’sala fil-Ħamrun. Din l-attività twaqqfet ħesrem, hekk kif hi meqjusa bħala waħda tal-massa u għalhekk tikser id-direttivi l-ġodda mħabbra mill-awtoritajiet tas-saħħa b’rabta mat-trażżin tal-imxija.
Il-Pulizija flimkien ma’ awtoritajiet oħra investigat ukoll każ ta’ dgħajsa li ġiet eskortata lura lejn Buġibba s-Sibt li għadda.
Fuq din id-dgħajsa nstab l-alkoħol u ġie investigat possibbiltà ta’ ksur ta’ miżuri tas-saħħa.
Intant minn 2,910 spezzjonijiet li matul dawn l-aħħar sebat’ijiem ma nstab li ħadd kien qed jikser ir-regolamenti tal-kwarantina.