L-aġenzija tar-refuġjati fi ħdan il-Ġnus Magħquda għadha kemm qalet li matul din il-ġimgħa mas-seba’ mitt immigrant tilfu ħajjithom wara li għerqu viċin il-kosta Libjana.
Filfatt matul dawn l-aħħar jiem ġew rapurtati numru ta’ każijiet fejn intalbet l-assistenza tat-task force tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-iskwadra marittima Taljana wara li dgħajjes mimlija bl-immigranti dehru jiltaqgħu ma’ diffikultajiet kbar bejn sema’ u ilma.
Nhar il-Ħamis dehru xeni xokkanti wara li filmati tal-iskwadra marittima Taljana uriet il-mument meta dgħajsa bl-immigranti nqelbet, b’għexirien jitilfu ħajjithom ftit wara. Filfatt fil-filmati dehru numru ta’ immigranti jippruvaw jaqbdu ma’ kull ħaġa biex iżommu fil-wiċċ u b’hekk isalvaw.
Sadanittant l-awtoritajiet Taljani qalu li t-task force tal-Unjoni Ewropea, din il-ġimgħa biss, salvat mat-13,000 immigrant.
Dawn l-aħħar traġedji umani seħħew ftit jiem wara summit importanti fit-Turkija bejn il-mexxejja Ewropej u l-awtoritajiet Torok, dwar il-ħtieġa t’azzjoni biex jiġu salvati aktar ħajjiet.