F’ġimgħa aktar minn 1,000 negozju u intrapriża talbu l-għajnuna tal-Malta Enterprise minħabba l-effett li qed tħalli l-imxija tal-Coronavirus fuq l-operat tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Buisness First Marika Tonna qalet li wara nhar l-Erbgħa rċivew ħafna mistoqsijiet minn kumpaniji b’interess sabiex jibbenefikaw mill-miżuri mħabbra mill-Gvern, b’pakket finanzjarju li jammonta għal kważi 2 biljun ewro.
Hija spjegat: “Il-Gvern ħaseb f’kulħadd fil-buisness kollha milqutin. L-iktar li qed ikollna queries minn dawn is-self employed li kellhom jagħlqu bħal gyms, restaurant u ovvjament huma nkwetati ħafna.”
Fl-uffiċini ta’ Buisness first fl-Imrieħel, ħaddiema tal-Malta Enterprise qegħdin jassistu lill-kumpaniji li għandhom bżonn xi għajnuna permezz ta’ mezzi elettroniċi jew fuq Skype.
Tonna sostniet: “L-iktar li qed isaqsu fuq tal-pagi. Jgħidulek issa x’se nagħmel u kemm jista’ jkun nispjegawlhom il-miżuri. Kif inhuma intitolati għall-pagi.”
Il-Malta Enterprise għamlet sit elettroniku ddedikat għal effett tal-Coronavirus – covid19.maltaenterprise.com. Sit li minnha jistgħu jitniżżlu l-applikazzjonijiet għal miżuri amministrati mill-Malta Enterprise.
Sa issa diġà daħlu aktar minn 25 applikazzjoni min-negozji sabiex jibbenefikaw mill-miżura ta’ investiment fit-teleworking.
Tonna kompliet tispjega: “Il-formolarji ħa jkunu dejjem fuq id-dedicated website li għandna u ftit ftit qegħdin nintroduċu dawn il-formolarji online illum hemm tat-taxxa u sa nhar l-Erbgħa jkollna kollox in place.”
Għall-aktar informazzjoni, in-negozjanti u l-imprendituri huma mitluba li jċemplu fuq in-numru wieħed, erbgħa, erbgħa 144 jew inkella jibgħatu email fuq covid@maltaenterprise.com.