Fuq medda t’għoxrin sena minn mindu twaqqfet, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA għamlet kważi ħamsin elf spezzjoni fuq postijiet differenti tax-xogħol.
L-ispezzjonijiet li saru ivarjaw fuq intrapriżi żgħar sa kumpaniji kbar li jaħdmu fil-manifattura, kostruzzjoni u fis-settur tas-servizzi fost oħrajn.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Dr Mark Gauci saħaq li l-għadd ta’ spezzjonijiet juri r-rilevanza tal-Awtorità u kemm għadha qrib tal-ħaddiema.
Hu stqarr, “L-OHSA tagħmel ħafna spezzjonijiet. Tidentifika fl-industrija li huma assoċjati l-akbar ammont ta’ riskju, li fil-każ ta’ Malta, l-istess ma’ pajjiżi oħra, is-settur li huwa assoċjat mal-akbar riskju huwa s-settur tal-kostruzzjoni.”
Gauci spjega kif f’dawn l-għoxrin sena, l-Awtorità ħarġet aktar minn tlett elef u seba’ mitt multa amministrattiva li jammontaw għal qrib il-miljun u nofs ewro.
Dawn il-multi ngħataw fuq nuqqassijiet serji ta’ ħarsien ta’ saħħa u s-sigurtà f’oqsma differenti ta’ xogħol li setgħu wasslu għal danni fiżiċi, korriment jew mewt fuq il-post tax-xogħol.
Il-maġġoranza tal-każijiet kienu dwar nuqqasijiet f’siti ta’ kostruzzjoni iżda kien hemm ukoll nuqqasijiet f’postijiet oħra fosthom f’fabbriki u stamperiji.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità spjega wkoll kif l-Awtorità vverifikat ukoll kważi disgħin elf rapport fuq tagħmir.
Dr Gauci spjega li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol, f’pajjiżna huwa l-aħjar fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hija kkonfermata wkoll mill-Eurostat.
Huwa kompla jaċċenna dwar il-progress li sar tul dawn l-aħħar snin.
Gauci spjega, “Konsegwentement ix-xejriet huma ’l isfel. Ma jfissirx li ma ikollox sena li ċ-ċifri ikunu ogħla minn sena oħra, però meta wieħed iħares lejn ix-xejriet, dak li bl-Ingliż jissejħu trends, tinduna li dawn ix-xejriet qed jonqsu.”
Dr Gauci appella lill-pubbliku sabiex jekk jara xi prattiċi tax-xogħol perikolużi jikkuntattja lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol qabel ma jitfa’ r-ritratti fuq il-midja soċjali.