Ġurnata qabel il-Papa Franġisku jinżel fil-gżira ta’ Pawlu, iltqajna ma’ Patri Dijonisju Mintoff.
L-aħħar żjara tal-Papa Franġisku f’pajjiżna se tkun ġewwa l-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far, qabel imbagħad iħalli pajjiżna lura lejn Ruma.
F’din iż-żjara l-immigranti se jirrakkontaw l-esperjenzi tagħhom.
F’għeluq sninu sibna lil Patri Dijonisju Mintoff iħejji għaż-żjara tal-Papa.
Ma’ ONE News qal kif permezz taż-żjara tal-Papa ġewwa l-Laboratorju tal-Paċi, huwa qed jgħaddi messaġġ.
Qal, “Il-Papa qed tistennih Malta kollha u hu jrid jara lil Malta kollha. Issa biex żgur ma jkun nesa lil ħadd u biex żgur dawk li ma setgħux imorru għandu, ġej hu għax dawn ma setgħux imorru huma, allura ġej hu hawnhekk. U hekk ikun ra lil kulħadd. Il-Maltin ikun rahom il-Furjana u dawn ikun rahom fil-post fejn joqogħdu, ġej fi djarhom stess, fejn joqogħdu hawnhekk.”
Il-messaġġ tat-tema taż-żjara tal-Papa Franġisku huwa “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha.”
Fl-intervista magħna, Patri Mintoff spjega kif il-Laboratorju tal-Paċi nħoloq fl-elf disa’ mija wieħed u sebgħin, bil-għan li jwassal il-messaġġ tal-paċi madwar id-dinja u llum jgħin lill-immigranti.
Meta staqsejnih jekk iħossx sodisfazzjon meta jgħin lill-immigranti, huwa qal li jagħmel dan biex jgħin.
Qal, “Tħoss bilfors, anki taqsam triq bi bniedem tħoss is-sodisfazzjon, għentu jaqsam it-triq. Inti dan ma tagħmlux għas-sodisfazzjon, tagħmlu għax dak għandu bżonn l-għajnuna. Stajt kont jien li kelli bżonn l-għajnuna, seta’ kien missieri, seta’ kien ħija u dik li mbagħad trid tikkunsidra, li kieku dak kien ħuk kont tħallih barra jew li kieku dak ma kienx ħuk ma taqsamlux it-triq? Li kieku dak kien ħuk m’għandux fejn joqgħod, ma żżommux?”
Iltqajna ma’ Patri Dijonisju Mintoff f’jum għeluq il-wieħed u disgħin u meta staqsejnih dwar hekk huwa wieġeb hekk.
Qal, “Kemm għandek snin fuq il-karta. U mhux kemm hemm miktub fuq il-karta jgħodd, kemm tiflaħ tmexxi jew le u sakemm Alla jridni hawn baqali x’nagħmel. Meta ma jkunx baqali x’nagħmel iżjed immur ħdejh.”