Dr Victor Calvagna se jibqa’ magħruf bħala eks president ta’ Puttinu Cares, li waqqaf is-servizz tal-onkoloġija Pedjatrika f’Malta madwar 20 sena ilu. Kien bniedem sportiv, u tilef ħajtu traġikament fl-età ta’ 63 sena, meta ntlaqat minn karozza nhar l-4 ta’ Jannar 2022.
Ilbieraħ, f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu, 126 persuna ingħaqdu f’eżerċizzju CrossFit, organizzat mill-kowċ Kyle Micallef, biex ifakkru f’dak li ddeskrivewh bħala eroj.
Fi stqarrija, CrossFit 356, li organizzaw l-attività, fakkru li għexieren jekk mhux mijiet ta’ tfal Maltin tul is-snin kellhom bżonn trattament speċifiku, u kienu jqattgħu snin minn ħajjithom jirċievu kura barra minn xtutna, grazzi għal Dr Calvagna.
“Minbarra x-xogħol stellari tiegħu biex jgħin lin-nies fil-bżonn, kien atleta hu stess u triple iron man”
CrossFit 356 fetħet din l-opportunità għal ġurnata sħiħa għal kull min ried jingħaqad, kontra donazzjoni żgħira għall-karità.