F’għeluq il-mitejn u ħamsin sena mill-wasla tal-istatwa titulari ta’ San Bartilmew fir-raħal ta’ Ħal Għargħur ġie inawgurat monument ta’ San Bartilmew.
Dan sar wara li fl-2019 twaqqaf kumitat bl-isem ta’ Għaqda Monument San Bartilmew Għargħur biex ikun jista’ jsir dan il-monument.
L-iskultur Joseph Micallef intgħażel mill-kumitat sabiex jaħdem fuq dan il-monument, li issa jinsab fil-pjazza tar-raħal, proprju faċċata tal-knisja ddedikata lill-istess qaddis.
One News tkellem mal-iskultur, li spjega l-proċess biex irnexxielu jasal għar-riżultat aħħari. Huwa qal li x-xogħol fuqu ħa madwar sena u nofs.
Joseph Micallef qal li l-pedestall huwa maqsum f’erba’ partijiet. Il-parti l-baxxa hija magħmula miz-zokklatura. Il-bażi hija magħmula bir-rużuni żgħar. Fil-pilastru tan-nofs hemm erba’ tabelli, li jinkludu kwotazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ San Bartilmew.
Il-parti ta’ fuq tissejjaħ l-enteblatura, li tinqasam fi tliet partijiet. L-iskultur spjegalna l-viżwal u l-għamla li ukoll kienet magħmula bi ħsieb.
Qal, “Meta wieħed jarah minn fuq, il-pjan tiegħu għandu forma ottagonali u qiegħed magħmul b’mod li isfel huwa wiesa’ u jidjieq gradwalment biex bħal speċi jidderieġi l-għajn biex tħares lejn l-istatwa.”
Micallef qal li l-monument beda jinħadem fil-fabbrika u eventwalment tpoġġa fil-pjazza. Joseph Micallef kompla jagħmel l-aħħar xogħol tal-monument fil-pjazza stess.
Qal, “Ħafna mix-xogħol sar fil-post, fil-barriera stess, minħabba l-kobor ta’ din il-ġebla. Imbagħad, kif kien hemm, qisu tmenin fil-mija minnha lest, tellajniha fuq il-pedestall u tlajt nirfina l-kumplament.”
Il-festa ta’ San Bartilmew sr tiġi iċċelebrata nhar il-Ħadd li ġej.