F’dawn l-aħħar għaxart ijiem, ħdax-il xufier inqabdu jsuqu taħt l-influwenza tal-alkoħol. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Pulizija, hekk kif f’dawn l-aħħar jiem saru aktar minn 170 roadchecks, fejn fihom twaqqfu aktar minn 4,700 vettura u b’kollox inħarġu aktar minn 400 taħrika. Dan ifisser li l-maġġoranza assoluta tas-sewwieqa kienu konformi mar-regolamenti tat-traffiku, iżda fejn ma kienux, ittieħdet azzjoni immedjata u nħarġu t-taħrikiet kif meħtieġa.
Intqal li l-preżenza tal-Pulizija f’diversi toroq madwar pajjiżna permezz ta’ dawn l-ispezzjonijiet tat-traffiku, wassal biex għal sena oħra, matul il-jiem tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, it-toroq Maltin kienu ħielsa minn inċidenti serji tat-traffiku.
Aktar minn ħamsa u tmenin taħrika ngħataw fuq veloċità eċċessiva, hekk kif f’uħud minn dawn l-ispezzjonijiet intuża s-speed gun. Apparti minn hekk, kien hemm kontravenzzjonijiet għal sewwieqa li nqabdu jsuqu mingħajr il-liċenzja mwaħħla, użu ta’ mobile phones waqt is-sewqan u sewwieqa mhux lebsin iċ-ċintorin tas-sigurtà. Numru ta’ vetturi ġew ukoll irmunkati għax is-sewwieq ma ppreżentax liċenzja valida.
Minbarra dawn l-ispezzjonijiet f’diversi lokalitajiet il-pulizija qassmu wkoll materjal edukattiv biex jekk wieħed se jixrob ma jsqux. Dan il-materjal tpoġġew fost oħrajn fuq vetturi pparkkjati.
Kelliem għall-Korp tal-Pulizija qal li dawn l-ispezzjonijiet fit-toroq kienu kkoordinati mill-Korp tal-Pulizija, bl-assistenza ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta.
Intqal li dan l-eżerċizzju ta’ spezzjonijiet fit-toroq mhux se jieqfu fi tmiem il-festi tal-ewwel tas-sena iżda se jibqgħu għaddejjin tul is-sena kollha bil-għan li f’Malta u f’Għawdex ikun hawn toroq iżjed siguri.
AQRA AKTAR: