Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, kien hemm aktar minn 1,500 reġistrazzjoni ta’ kondominji jew tibdil ta’ amministraturi ta’ kondominji mal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.
Dan ħareġ minn tweġiba Parlamentari li ta l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, għal mistoqsija tad-Deputat Laburista Carmelo Abela.
L-amministraturi ta’ kondominji huma rikonoxxuti mil-Liġi dwar il-Kondominji u għandhom rwol importanti ħafna fl-amministrazzjoni ta’ partijiet komuni fi blokok ta’ appartamenti.
F’ħafna każi jkunu dawn l-amministraturi li jieħdu ħsieb li l-partijiet komuni jinżammu fi stat tajjeb ta’ tindif u manutenzjoni.
Mit-tagħrif mogħti fil-Parlament, jirriżulta li, mill-bidu tas-sena ’l hawn, kien hemm kważi sitt mitt amministratur ġdid f’Malta u mija u sitta f’Għawdex, fejn ukoll infetaħ uffiċċju ġdid.
Ħareġ ukoll li kien hemm 792 f’Malta u 64 f’Għawdex amministraturi, li rreġistraw it-tiġdid tagħhom jew bdil tal-istess amministraturi.
Dan filwaqt li kien hemm numru ieħor ta’ persuni li rreġistraw regolamenti mal-aġenzija.
Dwar dan tkellimna ma’ Andrew Xuereb, Kap tas-Sezzjoni tal-Kondominji fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA.
“Il-popolarità tar-reġistrazzjoni tal-kondominji qed tiżdied. Qed tiżdied mhux biss għax, qed jiżdiedu l-bini, mhux qed jiżdiedu l-kondominja. Kif nafu l-bini jibqa’ dejjem jiżdied u għandek aktar u aktar nies, li bejniethom qed jorganizzaw il-bini u l-manutenzjoni ta’ dak il-bini.”
Andrew Xuereb
Xuereb spjega li, dwar is-suġġett, irid ikun hemm aktar għarfien u xi tfisser meta wieħed jirreġistra bħala amministratur.
“Il-fatt li wieħed jirreġistra mal-Lands Registry tagħmel żewġ affarijiet: one tirreġistra lill-amministratur, dik il-persuna jew persuni li se jkunu qed imexxu l-bini jew inkella tirreġistra r-rules and regulation, il-linja gwida li ħa jmexxu, li fuqhom is-sidien ħa jimxu u jmexxu l-bini.”
Andrew Xuereb