Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, permezz ta’ għajnuniet mill-Gvern u investiment ta’ tnax-il miljun ewro, inħolqu erba’ mija u tletin impjieg marbutin ma’ start-ups.
Meta wieħed iħares lejn l-aħħar tnejn u għoxrin xahar, dan ifisser li l-Malta Enterprise approvat tmienja u ħamsin proġett ta’ start-up.
Dan qalitu l-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli waqt l-Istart Up Festival li qed isir fil-Kordin Business Incubation Centre, u qalet kif din l-okkażjoni sservi wkoll bħala ċelebrazzjoni ta’ dawk l-intrapriżi żgħar li issa kibru u qegħdin jirnexxu.
Sostniet kif il-Gvern permezz tal-Malta Enterprise, tgħin lil dawn l-istartups permezz ta’ self li jwasslu sa miljun ewro: “Ir-riżultati nemmen li qegħdin narawhom, għaliex qiegħdin napprovaw maż-żewġ proġetti ta’ startups biss kull xahar, u jekk naraw l-ammont ta’impjiegi li dawn jikkreaw, l-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, b’investiment ta’ tnax-il miljun ewro se jkunu kreati mal-erba’ mija u tletin impjieg ta’ kwalità. Din hija t-triq li rridu nimxu fiha, u dan huwa s-settur li nemmnu fih u se nkomplu ninvestu fih ukoll.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, Kurt Farrugia rrimarka li waqt iż-żjara tal-Kummissarju Ewropew għall-Innovazzjoni, Mariya Gabriel, hija nnutat ir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija, minħabba li din hija waħda diversifikata.