Iż-żidiet b’mod annwali li rċevew il-pensjonanti fuq medda ta’ għaxar snin, żdiedu b’€70 fil-ġimgħa. Dan ġie nnotat mill-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Hawnhekk il-Ministru Falzon sostna li bil-baġit 2025, il-pensjonanti se jiżdiedu bi tmien ewro fil-ġimgħa, inkluż bil-COLA. B’din iż-żieda se jibbenefikaw madwar 100,000 pensjonant tal-irtirar, tal-invalidità u romol, kif ukoll oħrajn intitolati għal pensjoni tal-età.
Madwar 26,000 pensjonant, li twieldu qabel l-1962 se jibbenefikaw minn titjib fil-pensjonijiet, hekk kif Gvern Laburista qed jindirizza anomalija ta’ Gvern Nazzjonalista fl-2006.
Il-Ministru Falzon semma wkoll żieda addizzjonali lill-pensjonanti romol. B’dan il-proċess se jwassal biex sal-2027, il-pensjonanti romol kollha jkunu qed jirċievu l-pensjoni sħiħa li kienu jirċievu l-konjuġi tagħhom, kieku baqgħu ħajjin.