Fil-gżira tat-tliet għoljiet ġie ffirmat ftehim li se jwassal għall-bini ta’ ħames appartamenti ġodda f’Dar Emmaus.
Dawn se jagħtu kenn lil nies bla saqaf fuq rashom, li jistgħu jgħixu fihom għal perjodu ta’ disa’ xhur li matulu jsegwu programm ta’ rijabilitazzjoni, li jara li jkunu indipendenti biżżejjed biex jerġgħu joħorġu fis-soċjetà.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, innota kif dawn l-appartamenti se jkunu mibnija b’tali mod li jirrispettaw il-miżuri tas-saħħa pubblika.
Huwa spjega: “Kull appartament se jkollu tlett ikmamar indipendenti fejn wieħed jekk ikun homeless u ġej mit-triq litteralment tista’ ddaħħlu mill-ewwel u jkun f’iżolament.”
Il-Monsinjur Joseph Vella Gauci spjega kif minħabba li f’ċertu żmien tas-sena, id-dar tkun mimlija, inħass il-bżonn li jikber l-ispazju permezz ta’ dawn il-ħames appartamenti biex is-servizzi ta’ emerġenza u dawk residenzjali, ikunu jistgħu jibqgħu jingħataw.
Huwa qal, “Mhux biss nagħtuhom il-kenn u d-dekor li jistħoqqilhom imma ngħinuhom biex ikunu jistgħu jqumu fuq saqajhom.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon, qal li dan il-Gvern mhux se jixxaħħaħ ma’ dawk li verament għandhom bżonn, u se jibqa’ jkun ta’ spalla għal min jeħtieġ l-għajnuna fl-immedjat.
Huwa sostna: “Bi pjaċir li wieħed jara li mhux biss żdiedu u nfirxu s-servizzi f’Malta imma wkoll hawnhekk se jkomplu jinfirxu s-servizzi lin-nies anki f’Għawdex għaliex kull ċittadin għandu dritt li jgawdi ġustizzja soċjali f’soċjetà fejn iħossu inkluż.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li b’dan il-ftehim, il-Gvern qed ikompli jwettaq id-differenza soċjali anki f’Għawdex.
Huwa saħaq: “Ser inkunu qegħdin nikkontribwixxu fil-finishings ta’ dawn l-appartamenti sabiex fl-aħħar mill-aħħar naraw li dawn jibdew jiġu utilizzati u nkunu aktar ta’ sostenn għas-soċjetà kollha, b’mod partikolari dik ġewwa Għawdex.”