Dar Emmaus, id-dar f’Għawdex li toffri kenn għall-vittmi ta’ vjolenza domestika, se tkun qed toffri iktar għajnuna soċjali, emozzjonali u psikoloġika lir-residenti tagħha, grazzi għal ċentru tar-riżorsi ġdid fil-pjan terran tad-dar.
Dan ingħata għad dispożizzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, permezz ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni Kenn u Tama li tmexxi d-dar.
Il-ftehim ifisser ukoll li d-dar se tkun mmexxija minn bord amministrattiv. B’hekk Dar Emmaus se tmur lil hinn mill-kenn temporanju li toffri lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.
Bl-għajnuna psikoloġika dawn ir-residenti issa jkunu lesti biex jaffaċċjaw l-isfidi tad-dinja wara li joħorġu mid-dar. Dan huwa l-għan prinċipali taċ-ċentru tar-Riżorsi tal-Familja, li huwa xelter ta’ emerġenza li permezz tiegħu l-vittmi jintegraw mill-ġdid mas-soċjetà, wara li jkunu bdew paġna ġdida u f’saħħitha f’ħajjithom.
Il-bżonn ta’ għajnuna emozzjonali lill-vittmi kien ilu jinħass mindu l-fondazzjoni Kenn u Tama fetħet id-dar fl-2014, meta d-domanda għal din it-tip ta’ għajnuna kienet ferm ikbar milli Dar Emmaws setgħet toffri dak iż-żmien.
https://www.youtube.com/watch?v=OKnN68x3UsY