Matul is-sena li għaddiet, fis-sena tal-pandemija kien hemm aktar minn erbatax-il elf u tliet mitt persuna jaħdmu fil-gżira Għawdxija.
Dan intqal mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt l-estimi finanzjari ta’ dan il-Ministeru għal Budget tas-sena d-dieħla, fejn intqal li dan huwa l-aqwa ammont ta’ kull żmien.
L-ammont irreġistrat waqt is-sena tal-pandemija huwa ta’ ħames mija u tletin ħaddiem ġdid, meta mqabbel mas-sena elfejn u dsatax.
Il-Ministru Clint Camilleri qal kif tmenin fil-mija kienu mas-settur privat.
Fil-Parlament, il-Ministru għal Għawdex qal kif dan l-ammont jiżboq sew dak li kien hemm fi żmien Gvern Nazzjonalista, hekk kif sebgħa u tletin fil-mija tal-ħaddiema Għawdxin kienu mas-settur pubbliku.
Il-Ministru Camilleri qal kif Gvern Laburista naqqas dan l-ammont b’għaxra fil-mija.
Clint Camilleri qal kif il-vouchers xprunaw aktar nefqa f’Għawdex, hekk kif kien hemm aktar minn żewġ miljun u erba’ mitt elf ewro ntefqu matul ix-xhur tas-sajf permezz tal-vouchers.
Il-Ministru Camilleri qal kif aktar minn miljun persuna qasmu l-fliegu matul is-sajf u kwart ta’ miljun qasmu ż-żewġ gżejjer bil-fast ferry.
Il-Ministru għal Għawdex semma kif taħt Gvern Laburista tjiebet il-konnettività.
Qal, “Illum il-ġurnata għandna erba’ bastimenti li qegħdin jgħaqqdu l-Port tal-Imġarr mal-Belt Valletta, f’45 minuta tasal il-Belt Valletta u f’45 minuta tasal il-port tal-Imġarr, Għawdex. Bnejna żewġ terminals, li ma ħadniex ħmistax-il sena biex bnejnihom, imma f’sitt ġimgħat bnejna żewġ terminals.”
Waqt din is-seduta parlamentari, tkellmet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, li qalet li aktar ħaddiema Għawdxin qed jaħdmu f’Għawdex.
Qalet, “Jekk wieħed jara daqsxejn il-lista bejn l-2018 u sena skolastika din jirriżulta li 146 LSE u għalliema ġew trasferriti minn Għawdex, bl-aħħar grupp ta’ LSEs illi ġew trasferriti fl-aħħar ġranet.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo qal kif il-Gvern irid dejjem iżomm, l-ambjent Għawdxi, fiċ-ċentru tiegħu
Spjega, “Dan il-Budget, kif diġà għedt fih il-viżjoni. Viżjoni qawwija favur din il-gżira li aħna lkoll inħobbu, illi hija Għawdex.”