Fil-gżira tat-tliet għoljiet, kull applikant mal-Awtorità tad-Djar ġie allokat dar, wara li għadda mill-proċess kollu.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Il-Ministru Galdes qal kif il-politika tal-Gvern f’dan is-settur, fosthom dik ta’ riġenerazzjoni u restawr ta’ djar abbandunati u alternattivi ta’ investiment lil sidien ta’ djar battala waslet biex fl-aħħar snin saru seba’ mitt allokazzjoni.
Minn dawn, mija u tliet allokazzjonijiet saru f’Għawdex.
Qal, “Nista’ ngħid li sal-lum, kull applikant li kien eleġibbli, li għadda minn għarbiel riġoruż u l-verifiki tal-Awtorità tad-Djar u talab jew xtaq li jkun allokat dar fil-gżira Għawdxija, it-talba tiegħu llum ġiet milqugħa u sodisfatta.”
Il-Ministru Galdes semma wkoll kif bħalissa l-Gvern għaddej bl-akbar proġett ta’ housing soċjali fl-aħħar erbgħin sena.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex qal kif dawn ir-riżultati huma xhieda li dan il-Gvern jieħu ħsieb lil kulħadd u jassigura li l-poplu jgħix kwalità ta’ ħajja li tixraqlu.
Qal, “U għaldaqstant dan huwa Gvern li jgħin li jwieżen lil dawk li għandhom bżonn, sabiex ħadd ma jaqa’ lura. Jaħseb fiż-żgħażagħ u jaħseb ukoll fil-familji tagħna u fuq kollox dan huwa Gvern li għandu għal qalbu lill-Għawdex u lill-familji Għawdxin, bil-fatti.”
Il-Kap Eżekuttiv għall-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay saħaq li kien hemm faxxa ta’ persuni li kienu jeħtieġu akkomodazzjoni soċjali b’mod immedjat.
Qal kif huwa ta’ sodisfazzjon li flimkien mal-privat ġiet provduta akkomodazzjoni alternattiva fi kważi l-lokalitajiet kollha ta’ Għawdex.