Hekk kif fadal tliet ġimgħat biex il-poplu jivvotta fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru Robert Abela, is-Sibt filgħaxija kompla jiltaqa’ ma’ aktar Għawdxin.
Fil-fatt, il-Prim Ministru għamel tliet żjarat fi tliet irħula differenti.
Fl-Għasri, fl-inħawi tal-Kalandrijiet f’ ta’ Kerċem u fil-pjazza ewlenija tal-Fontana huwa saħaq fuq l-importanza biex fit-tmienja ta’ Ġunju, kulħadd joħroġ jivotta u kmieni.
Tul iż-żjarat tal-Prim Ministru spikkat l-attendenza sabiħa ta’ persuni li għażlu jinġabru sabiex jiltaqgħu miegħu waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju.
Dawn iż-żjarat mill-Prim Ministru Robert Abela jingħaqda ma’ ħafna oħrajn li qed isiru u li saru fil-jiem, ġimgħat u x-xhur li għaddew mill-Partit Laburista sabiex jisma’ aktar mingħand in-nies.
Dan biex b’hekk il-Partit Laburista jkun jista’ verament jibni l-politika tiegħu abbażi ta’ dak li jgħid il-poplu.