Il-President George Vella attenda kunċert mis-Soċjetà Filarmonika La Stella tar-Rabat Għawdex għat-tifkira tas-sitta u erbgħin sena anniversarju minn meta Malta saret Repubblika.
Fid-diskors, il-President sellem lil dawk kollha li matul iż-żmien iddedikaw ħajjithom sabiex pajjiżna wasal fejn qiegħed illum, u fakkar li bħala pajjiż, irnexxielna naslu hawn minħabba l-għaqda. Semma wkoll li m’għandniex inħarsu lura fl-istorja wisq biex naraw xhieda ta’ din l-għaqda.
“Il-firda ddgħajjef, l-għaqda ssaħħaħ u lkoll nafu li meta l-Maltin riedu jingħaqdu flimkien, għamlu l-mirakli. Jekk inħarsu biss lejn dak li għaddejna minnu dis-sena, u rrid insellem minn hawn il-vittmi kollha tal-Covid u l-familjari tagħhom li għaddew minn dawk it-tbatijiet speċjalment meta ħassewhom ma jistgħux jakkumpanjaw l-għeżież tagħhom fl-aħħar minuti ta’ ħajjithom” tenna l-President Vella.
Irrimarka wkoll dwar il-ħtieġa li l-pika, anke dik politika, tkun waħda li tħalli l-ġid f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna, u mhux waħda distruttiva.
Il-President ħeġġeġ ukoll l-għaqda fost il-poplu nnifsu, u anke bejn il-poplu u l-mexxejja ta’ pajjiżna. Qal li l-mexxejja dejjem irreaġixxew għar-rieda tal-poplu Malti, minflok li l-poplu joqgħod għal kull ħaġa li jiddeċiedi l-Gvern bħal ma jsir f’pajjiżi oħra.
Il-President temm id-diskors tiegħu billi appella sabiex nitgħallmu mill-passat filwaqt li nirranġaw dak li jista’ jitranġa u naddattaw ruħna għall-isfidi li jista’ jkollna quddiemna.