Ġewwa Għajnsielem qed titella’ wirja ta’ Dijorami, li huma presepji żgħar, li huma magħmula mill-għaqda ħbieb presepju Taljan, is-sezzjoni ta’ Ponte San Pietro, taħt it-tmexxija ta’ Claudio Mattei.
Din l-esebizzjoni ta’ dijorami miġjuba minn Bergamo qed issir wara ħbiberija li teżisti bejn l-għaqda Taljana u l-għaqda ħbieb tal-presepju Għawdex, sezzjoni Għajnsielem.
Fil-wirja hemm tnax-il Dijorama esibiti fi stil bibliku, li juru l-ġrajja li seħħet elfejn sena ilu.
Minn episodju li juri tfittxija li saret min San Ġużepp u l-Madonna biex ifittxu fejn jgħaddu l-lejl f’Bethlehem, sat-twelid ta’ Ġesu Bambin ġewwa l-għar.
Il-ħbiberija bejn iż-żewġ għaqdiet, bdiet fis-sena elfejn u sittax, meta l-għaqda Għawdixja stiednet lil l-artist Claudio Mattei biex jiġi jagħmel kors dwar it-teknika tal-bini tal-presepju, li għalih kienu attendew sitta u tmenin persuna.
Il-President tal-Għaqda Għawdxija, l-artist Paul Stellini, spjega li fl-elfejn u dsatax, il-Knisja l-Qadima t’Għajnsielem, tellgħet l-ewwel wirja personali tal-artist Taljan, fejn ġew esebiti ħmistax-il dijorama li nħadmu matul il-ħamsin sena tal-ħidma artistika presepistika tiegħu.
Huwa spjega li issa, l-għaqda Għawdxija hija mistiedna biex fil-Milied tas-sena dieħla, itella’ wirja ta’ presepji Maltin ġewwa Bergamo l-Italja.
Qal, “Fuq stedina tal-istess Claudio Mattei, is-sena dieħla 2022, se nitilgħu ġewwa Bergamo fejn se nippreżentaw wirja ta’ presepji Maltin fis-sede tal-istess għaqda Ponte San Pietro ġewwa l-Knisja l-qadima ġewwa Ponte San Pietro.”
Barra din il-wirja, l-għaqda qed itella’ wirja oħra ta’ dijorami maħduma mill-membri tagħha stess, fis-sala ta’ taħt il-knisja parrokkjali t’Għajnsielem.
Matul il-ġimgħa, il-wirja tkun miftuħa mil-ħamsa ta’ wara nofsinhar sa tmienja u nofs ta’ filgħaxija, filwaqt li ħdud u festi, il-ħinijiet tal-ftuħ huma bejn l-għaxra u nofsinhar u l-erbgħa u nofs u disgħa u nofs ta’ filgħaxija.