Ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-iskola primarja ġdida u t-tkabbir u l-immodernizzar tal-iskola medja fil-kampus edukattiv fir-Rabat, Għawdex, b’investiment ta’ €21 miljun, jinsab f’fażi avvanzata.
L-iskola l-ġdida se tintuża minflok dik li hemm bħalissa, li ilha mibnija 160 sena, u se tkun f’post differenti minn dik eżistenti, iżda fil-kampus tal-kumpless stess.
Dawn ix-xogħlijiet qed isiru mill-Ministeru għal Għawdex u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, l-FTS.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, spjega li dan il-proġett huwa wieħed ferm bżonnjuż għal Għawdex.
Qal, “Dan il-proġett huwa meqjus bħala l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, għaliex il-kampus edukattiv jinkludi ċentru għall-ħarsien tat-tfal, kindergarten, skola primarja, skola medja, senior school, kif ukoll is-sixth form, u bosta faċilitajiet sportivi.”
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, tkellem dwar l-importanza li l-istudenti jieħdu edukazzjoni tal-ogħla livell.
Qal, “Qed naħdmu, Ministeri differenti u entitajiet differenti, sabiex nassiguraw li l-istudenti Għawdxin ikollhom prodott tal-ogħla kwalità, infrastruttura li tassigura illi l-edukaturi jkollhom l-għodda neċessarja sabiex ikollhom perkors edukattiv li permezz tiegħu jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, Neville Young, spjega kif, b’parti minn dan il-proġett, se jiġu preservati fdalijiet arkeoloġiċi.
Qal, “Ix-xogħol ta’ skavar tas-sit beda f’April tal-2020 u l-kostruzzjoni bdiet f’Novembru tal-istess sena. L-iskavar u l-kostruzzjoni saru taħt is-sorveljanza ta’ arkeologi tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minħabba li fis-sit instabu fdalijiet arkeoloġiċi u li bħalissa qed issir l-analiżi tagħhom. Biex ikunu preservati tajjeb dawn il-fdalijiet arkeoloġiċi, se jinbena ċentru ta’ interpretazzjoni arkeoloġika li se jkun parti mill-binja tal-iskola. Dan se jgħin lill-istudenti mhux biss fl-istudji tagħhom imma wkoll fl-għarfien tal-importanza li nirrispettaw u ngħożżu l-patrimonju kulturali u storiku.”