F’konferenza tal-aħbarijiet, ġie mniedi l-Prempju Soċjetà Ġusta 2022.
Permezz ta’ dan il-Premju, il-Gvern se jkun qiegħed jippremja d-dedikazzjoni u l-impenn ta’ individwi, għaqdiet volontarji, u postijiet tax-xogħol li kellhom sehem attiv biex tkompli tissaħħaħ l-inklużjoni fis-settur tad-diżabilità.
Preżenti għat-tnedija tal-ftuħ tal-perjodu li matulu se jintlaqgħu n-nominazzjonijiet kien hemm iż-żagħżugħ Jacob Cachia, li kien ir-rebbieħ tal-Premju Soċjeta’ Ġusta s-sena. Huwa qal li kien kuntent ħafna li ngħata dan ir-rikonoxximent u ħeġġeġ lil pubbliku biex jitfa’ n-nominazzjonijiet tiegħu.
“Is-sena l-oħra rbaħt il-Premju Soċjetà Ġusta. Kont vera onorat li ġejt magħżul mill-Ministeru u nispera li din is-sena jkun hemm in-nies li japplikaw.”
Il-Ministru għall-Inkluzjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li Premju Soċjetà Ġusta jmur lil hinn mit-trofew, għax huwa Premju li jirrikonoxxi l-ħidma u r-reżiljenza ta’ persuni b’diżabilita’ kif ukoll ta’ dawk li jagħmlu differenza f’dan is-settur.
B’kollox se jkunu qegħdin jingħataw seba’ premjijiet. Is-serata tal-premjazzjoni se ssir nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru 2022, taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta, George Vella.
In-nominazzjonijiet għall-Premju jistgħu jsiru minn fuq is-sit jew inkella mill-Ministeru, għall-Inkluzjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Ħal Lija.
L-applikazzjonijiet jagħlqu nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Ottubru f’nofsinhar. https://inclusion.gov.mt