Kellha 35 sena, meta Jane Chircop ħalliet warajha l-professjoni ta’ infermiera u mix-xejn bdiet in-negozju tagħha fil-qasam tal-propjeta. Tul dawn il-ħmistax-il sena, din l-imprenditriċi rnexxielha tkabbar in-negozju tagħha fi tlett lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
Ma’ ONE News, is-Sinjura Chircop qalet li kif fiż-żmien li fetħet in-negozju tagħha kienet diġa omm, iżda, b’għaqal u bżulija rnexxielha taħdem fuq il-ħolma tagħha li tmexxi negozju u fl-istess waqt trabbi lil uliedha.
“Meta taġġusta fin-negozju għandek il-ħinijiet li huma tiegħek u tista tippjanahom inti. Meta inti tkun bieżla, taġġusta ma’ dak li l-familja teħtieġ għal dak il-mument,” qalet Jane.
Is-Sinjura Chircop qalet li bdiet in-negozju ftit wara li temmet perjodu diffiċli minn ħajjietha meta spiċċat trabbi waħedha.
“Meta nħares lura ma kinitx triq faċli – is-suċċess jiġi b’ħafna xogħol iebes- huwa vjaġġ li tibda biz-zero u tibda tiela bil-mod il-mod,” hija kompliet tgħid.
Apparti n-negozju f’Malta, kompliet timraħ bin-negozju tagħha f’Oman fil-Lvant Nofsani.
“Bhala mara nħossni b’kburija għax mhux territorju ewropew. Pero l-feedback li kelli minn Oman dwar din id-ditta kien fenomenali,” qalet hi.
Minkejja li t-tmienja ta’ Marzu huwa assoċjat mal-Jum Internazzjonali tal-Mara, is-Sinjura Chircop appellat sabiex filwaqt li aktar nisa’ jersqu l’quddiem u jibdew jemmnu fl-abbiltajiet tagħhom, għandu jkun hemm aktar għajnuna għal dawk li jixtiequ jiftħu negozju.