Fl-4 ta’ Diċembru, Il-Malta International Organ Festival qed jorganizza kunċert mill-isbaħ fuq l-orgni l-ġdid u maestuż tal-Bażilika ta’ San Duminku u tal-Madonna ta’ Porto Salvo fil-Belt Valletta.
Fi stqarrija intqal li dan il-festival diġa rreġistra suċċess kbir, u qed jattira udjenzi minn madwar il-gżejjer Maltin u anke lil hinn minnhom.
Marco D’Avola, organista rinomat mill-Italja, ser ikun akkumpanjat minn Filippo Lombardi, prodigju żagħżugħ tat-tromba li ta’ età żgħira ħadem ma’ wħud mill-aktar orkestri rinomati fl-Ewropa.
It-teknika li għandu fuq dan l-istrument hija affaxxinanti u avvanzata.
Dan il-kunċert iwiegħed li jkun spettaklu li jgħaqqad il-ħoss uniku tal-orgni mal-brillantezza tat-tromba.
Sadanittant, il-festival ser jagħlaq fis-7 ta’ Diċembru b’Grand Finale memorabbli fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.
Johannes Skudlik, surmast u organista magħruf madwar id-dinja, ser joħloq spettaklu fuq l-orgni l-ġdid u grandjuż ta’ din il-Bażilika.
Il-programm se jinkludi xogħlijiet sinonimi mal-istrument tal-orgni, bħat- Toccata u Fuga in re minore ta’ Bach u t-Toccata tal-5 Sinfonija ta’ Widor, kif ukoll is-sinfonija għall-orgni u l-orkestra ta’ Marco Enrico Bossi,
Għal aktar informazzjoni dwar dawn il-kunċerti li ġejjin jew biex tibbukkja l-biljetti tiegħek, żur il-paġna uffiċjali fuq www.MaltaInternationalOrganFestival.com.