Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti – Università qed jorganizzaw il-ħames edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, li se jsir fil-21-22-23 ta’ Marzu 2018, u jibda fid-9am kuljum b’attività wara oħra sal-4pm. Il-Ġimgħa l-attivitajiet ser ikomplu sa tard filgħaxija.
L-għan ta’ dan il-Festival hu li jippromwovi l-letteratura filwaqt li jagħti spazju lill-pubblikaturi u d-distributuri tal-kotba fejn jiltaqgħu biex jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom ma’ udjenza matura bħall-istudenti universitarji. Il-Festival huwa mimli b’attivitajiet li jvarjaw minn workshops u films marbuta mal-letteratura,sa qari u intervisti ma’ awturi, pitturi, illustraturi, kif ukoll diskussjonijiet dwar il-lingwa, dawriet iggwidati mal-Biblijoteka tal-Università, mużika lokali u għadd ta’ kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet oħra.
Il-mistieden speċjali tal-Festival huwa l-awtur Sloven Jasmin B. Frelih, rebbieħ tal-Premju Ewropew tal-Letteratura tal-2016 bir-rumanz tiegħu Na/Pol (In/Half). Hu se jkun magħna fil-Kwadranglu għal attivitajiet speċjali kuljum, b’workshop dwar il-kitba kreattiva fil-21 ta’ Marzu, b’diskussjoni dwar il-letteratura Slovena mal-kittieb u poeta Malti Immanuel Mifsud fit-22 ta’ Marzu, u b’intervista ma’ Noel Tanti fit-23 ta’ Marzu. Nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar, Inizjamed se jtellgħu sessjoni miftuħa bil-mic bil-parteċipazzjoni ta’ Frelih. Il-festival se jagħlaq il-Ġimgħa stess filgħaxija b’mużika live minn Cryptic Street u Fuzzhoneys.Il-pubblikaturi u d-distributuri parteċipi huma BDL, EDE BOOKS, FARAXA BOOKS, HORIZONS, MIDSEA BOOKS, PJATTAFORMA and SENSIELA KOTBA SOĊJALISTI (SKS). Dawn il-pubblikaturi u distributuri ser ikunu qegħdin ibigħu l-kotba minn fuq l-istands tagħhom u se jorganizzaw xi tnedijiet ta’ kotba.
L-attivitajiet pjanati ser isiru minn HoASA u Marisa Attard, Dr Bernard Micallef u Dr Olvin Vella, b’kollaborazzjoni mal-Librerija tal-Università, Glen Calleja mad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan G.F. Abela Junior College, DESA, Jesmond Vassallo, Noah Fabri, Tradizzjoni Orali – Dipartiment tal-Malti, l-Università, Colette Sciberras, Fattima Mahdi, Moritz Sommer, BDL, Immanuel Mifsud, Inizjamed, Clare Azzopardi u Leanne Ellul, Salvu Catania u Gloria Lucia Laurente, Noel Tanti, Pjattaforma, Alfred u Gabriel Buttigieg, Veronica Veen, Michael Zammit u Horizons.
Il-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ huma: l-Erbgħa 21 u l-Ħamis 22 ta’ Marzu mid-9am sal-4pm, il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu mid-9am sat-tard. Dħul b’xejn.
Żuru l-paġna tal-Festival fuq Facebook għal iżjed dettalji.
Għal iktar tagħrif jew intervisti iktbu lil John Grech fuq john.f.grech@gov.mt jew lil Sephora Francalanza fuq ghaqdatalmalti@gmail.com.