Il-Malta Street Sports Association qed jorganizza għall-ewwel darba festival bl-isem ta’ ‘United Through Urban Sports’. Dan se jkun imqassam fuq jumejn: is-Sibt 17 u l-Ħadd 18 ta’ Settembru, u se jsir fl-iskatepark tal-Bajja s-Sabiħa, f’Birżebbuġa.
Iltqajna ma’ Karl Naja, wieħed mill-membri fl-Assoċjazzjoni, waqt li kienu għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-festival li, kif spjegalna hu, se jkun immirat għall-pubbliku kollu kemm hu.
“Se jkun hemm competitions, dwar kull sport, li huwa BMX, skateboard, scooter, basketball, parkour, hip hop dance, u street workouts. Apparti l-competitions, se jkun hemm free try-outs, jiġifieri l-pubbliku jista’ jiġi hawn matul il-weekend u nistgħu nagħtuhom free try-outs tal-isports”
Min-naħa tiegħu, Rudy Dorekens, membru ieħor fl-istess Assoċjazzjoni, spjegalna li l-iskop tal-festival huwa li dan it-tip ta’ sport jiġi pprattikat aktar miż-żgħażagħ.
“L-iskop ta’ dan l-event, huwa biex aħna nibdew nippromwovu dan it-tip ta’ street sports f’Malta. Fl-istess ħin, aħna ffortunati biżżejjed li ngħixu f’pajjiż fejn għandna x-xemx matul is-sena kollha. Dan huwa aspett importanti ħafna sabiex inkunu nistgħu nattiraw ukoll atleti u organizzazzjonijiet oħrajn biex jiġu jagħmlu dan it-tip ta’ avvenimenti f’Malta. Fil-fatt, għandna attivitajiet oħrajn matul din is-sena. Għandna avveniment fl-1 ta’ Ottubru l-Imsida skatepark, li għadu kif ġie tranġat mill-Gvern, kif ukoll se nkunu nvoluti fis-Science and the City.”
Dan il-festival huwa parti mill-Proġett Sportiv Erasmus+ – UUM – UNITED THROUGH URBAN MOVEMENT. Se jkun possibbli li jsir ukoll bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali ta’ Birzebbuġa u ta’ The Malta Trust Foundation.
Il-festival huwa wkoll kofinanzjat mill-Programm Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea.
Dawk li jixtiequ jippruvaw xi wħud mill-attivitajiet, għandhom jieħdu magħhom r-roti tagħhom. Huwa essenzjali wkoll li wieħed ikollu ilbies protettiv.