Tul il-jum tal-Ħadd, il-Pitkalija ċċelebrat dak kollu li hu Malti.
Fil-Jum Dinji tal-Ikel, il-pubbliku seta’ jara u jduq ikel Malti fl-isfond ta’ divertiment.
F’kumment ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Ikel, Brian Vella stqarr li l-produzzjoni tal-ikel f’pajjiżna trid tingħata aktar prominenza.
Qal, “Malta ma tistax tipproduċi l-ikel kollu li għandha bżonn, però rridu ntellgħu iktar l-ikel li nipproduċu aħna, bħala pajjiż, intellgħuh iktar fuq l-aġenda nazzjonali tagħna.”
Fost l-esebituri f’dan l-avveniment kien hemm il-Biċċerija Pubblika, l-Aġenzija Maltija għall-Ikel, id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Pjanti, il-Wasteserv, u t-Taqsima tar-Riċerka dwar is-Sajd.
Barra minn hekk ġew organizzati bosta attivitajiet, fosthom tisjir ta’ riċetti tradizzjonali Maltin.
Saru wkoll attivitajiet għat-tfal u dimostrazzjonijiet b’xejn.
Il-pubbliku seta’ jixtri prodotti agrikoli u ikel tradizzjonali bħal inbid Malti, ħalib frisk u qagħaq.
Din l-attività rat ukoll is-sehem ta’ kantanti Maltin li ferrħu lill-pubbliku permezz ta’ mużika u makjetti tradizzjonali.