Malta u l-Indja, żewġ pajjiżi b’parti mill-istorja imperjali komuni issa se jikkolaboraw fuq l-arti viżiva. Bejn l-14 u s-16 ta’ Diċembru li ġej se jiġi organizzat l-ewwel Film Festival ta’ Malta u l-Indja.Dan il-film festival qed jistieden produtturi tal-films minn madwar id-dinja li għandhom element Malti jew Indjan.
Dawn il-films se jiġu mgħarbla sew minn ġurija apposta biex imbagħad fuq spazju ta’ tlett ijiem, il-films magħżula jidhru fil-kapitali Maltija.
It-tnedija ta’ dan il-festival saret f’Mumbai, l-Indja fejn preżenti kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.
Matul l-indirizz li għamel, il-Ministru Mizzi saħaq li dan il-festival se jkun ta’ pjattaforma interessanti għaż-żewġ pajjiżi.
Spjega kif Malta se tagħmel dak kollu possibli biex il-produzzjonijiet ċinematografiċi Indjani jsibu art fertili biex jaħdmu fil-gżira tagħna.
Tkellem ukoll Engelbert Grech, li huwa d-direttur ta’ dan il-film festival, li saħaq li l-premju għar-rebbieħ ta’ dan il-film festival huwa ta’ mitejn elf ewro sabiex jintużaw mill-produttur tal-films għal produzzjoni li jkun beħsiebu jagħmel fil-futur.