Francesco Gabbani u għadd ta’ kantanti Taljani oħra, fosthom uħud li rebħu l-festival popolari Sanremo se jkunu parti mill-ewwel edizzjoni tal-Mediterranean Stars Festival.
Dan il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Radio Italia se jsir fl-erbgħa t’Ottubru li ġej fuq il-Fosos tal-Floriana, propju lejliet l-avveniment annwali li jiġbed l-eluf lejn il-kapitali, Lejl Imdawwal jew kif nafuh aħjar Notte Bianca.
Għal dan il-kunċert mingħajr ħlas saret tnedija u Gabbani kien fostna jitkellem dwar l-unur li għandu li se jkun parti minn dan l-ispettaklu.
“Sono orgolioso di poter rappresentare la musica espressiva Italiana in manifestazione come quella che verrai in 4 Ottobre con Radio Italia in collaborazione Il Mediterranean Stars Festival.” Stqarr Francesco Gabbani.
Dan il-kunċert għandu l-għan li permezz tal-aqwa talent Mediterranju tiġi mbuttata ‘l quddiem l-identità tar-reġjun Mediterranju.
Għaldaqstant fuq palk wieħed se jingħaqdu l-aqwa kantanti u mużiċisti fil-Mediterran flimkien mal-Orkestra tal-Mediterran immexxija mis-Surmast rinomat Taljan Bruno Santori.
Fost l-artisti hemm Gigi D’Alessio, Mahmood, Umberto Tozzi, Khaled, Emma, Ira Losco u The Travellers.
Waqt it-tnedija tkellem il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li fisser kif b’dan il-kunċert se jkompli jissaħħaħ is-suq turistiku Taljan li diġà jgħodd mal-erba’ mitt elf persuna, permezz ta’ sbatax-il rota minn u lejn Malta.
Il-Ministru Mizzi spjega, “Din is-sena ftehmna ma’ Radio Italia li huwa l-aqwa stazzjon ġewwa l-Italja li jiffoka propju fuq diski Taljani biex nattiraw ġewwa pajjiżna kunċert kbir li jġib l-aqwa artisti Taljani mhux biss dawk moderni imma anki dawk li nies differenti jħobbuhom ukoll ġewwa pajjiżna.”
Il-biljetti għall-kunċert jistgħu jinkisbu b’xejn mis-sit medstarsfestival.com