The Mellieħa International Christmas Festival ser ikun qed jiġi organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, L-Awtorità Maltija Għat-Turiżmu, l-Fondazzjoni Valletta 2018, Reġjun Tramuntana u The Malta Christmas Festival. Din l-attività ser tilħaq il-qofol tagħha b’attivitajiet li se jsiru fi Triq Ġorġ Borg Olivier u Misraħ il-Parroċċa mis-7 ta’ filgħaxija.
L-edizzjoni ta’ din is-sena ser tibda s-Sibt 23 ta’ Diċembru fejn ser jittella’ festin għat-tfal fl-iskola Primarja tal-Mellieħa u ser ikun hemm logħob, face painting, balloon modelling, sing-alongs kif ukoll żjara minn Missier il-Milied. Filgħaxija ser jittella’ kunċert tal-Milied mill-Voca Gospel Choir and Band fil-Knisja Parrokkjali tal-Manikata.
Il-Ħadd 24 ta’ Diċembru filgħodu ser ikun hemm attivita’ għall-anzjani ġewwa Dar il-Madonna tal-Mellieħa. Filgħaxija s-Soċjetà tal-MUSEUM tal-Mellieħa ser torganizza l-purċissjoni tradizzjonali bil-Bambin, u wara l-Għaqda Mużikali Imperial ser ittella’ kunċert tal-Milied. Fis-27 u t-28 ta’ Diċembru, il-Mellieħa se toffri jumejn uniċi b’parati internazzjonali u wirjiet u ser jipparteċipaw fiha ’l fuq minn 150 parteċipant lokali kif ukoll internazzjonali.
Ikel u xorb tipiku sinonimu ma’ dan iż-żmien tas-sena jkunu għall-bejgħ biex jitgawda mill-pubbliku. Kulħadd huwa mistieden jattendi għal din l-attività tal-Milied organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Id-dħul mingħajr ħlas.