Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret festival ġdid biex jiżidied mal-lista ta’ festivals tematiċi li qed isiru f’Għawdex u li qed jirrendu lil Għawdex destinazzjoni popolari matul is-sena kollha.
Għal kull min għandu għal qalbu l-ħelu, il-ġonna popolari tal-Villa Rundle ser ikunu il-post adattat għaliħ hekk kif ser tiġi organizzata l-ewwel edizzjoni tas-Sweet Tooth Festival.
Għawdex qed jingħata promozzjoni internazzjonali madwar id-dinja għall-avvenimenti ta’ kwalità li qed jiġu organizzati. “Permezz ta’ ħidma kkordinata kif ukoll bis-sostenn sħiħ tal-Ministeru għal Għawdex, irnexxilna noħolqu bosta attivitajiet li qed iħallu r-riżultati mixtiqa. Dan ġie ikkonfermat ukoll mill-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn bejn Lulju u Settembru l-passiġġieri li qasmu bejn il-gżejjer żdied b’3.6%” qalet l-Onor Caruana.
F’dan il-festival ser ikun hemm 25 parteċipant jesebixxu l-prodotti tagħhom b’riċetti tradizzjonali u tipiċi Għawdxin biex ukoll nippromwovu l-arti tad-dulċiera f’Għawdex. Din l-ewwel edizzjoni tal-Sweet Tooth Festival ser tkun tinkludi wkoll sessjonijiet ta’ tagħlim u tagħrif fl-arti tal-preparazzjoni tal-ħelu u kompetizzjoni għall-aqwa kejk imżejjen. Dan apparti sezzjoni iddedikata għat-tfal li ser tkun tinkludi funtani taċ-ċikkulata, bouncy castles, crafts u balloon modelling fost l-oħrajn.
Dan il-festival ser isir nhar il-Ħadd, 3 ta’ Novembru mill-10am sal-5pm u d-dħul huwa b’xejn.
Għall aktar informazzjoni wiħed jista jżur is-sit: visitgozo.com