Nhar is-Sibt, 22 ta’ Settembru, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta se tkun qed tiċċelebra l-Jum
Ewropew tal-Lingwi fi Pjazza Sant’Anna, Tas-Sliema, bejn is-19:00 u d-21:00.
Għas-sitt sena konsekuttiva, l-Għaqda tal-Malti – Università qed tgħin fl-organizzazzjoni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, li l-għan tagħha huwa li tippromwovi llingwi waqt li tagħti lil NGOs lingwistiċi oħra spazju fejn jistgħu jesebixxu l-materjal tagħhom ma’ udjenza varjata.
Minbarra d-diversi rappreżentanti, skejjel u għaqdiet li se jkunu preżenti bl-attivitajiet tagħhom għall-pubbliku,
fosthom ir-Russian Centre for Science and Culture in Malta, Malta-Japan Association, Malta Classics Association,
DESA u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, kull min jiġi se jkollu ċ-ċans isegwi l-attivitajiet varji li se jkunu għaddejjin,
fosthom qari ta’ letteratura tradotta, karaoke multilingwi, kif ukoll kwiżż dwar il-lingwi u l-kulturi Ewropej. L-attività
se tkun preżentata mill-kummidjanti favoriti Maltin, Danusan. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi u anke jħalli l-messaġġ tiegħu bl-aktar lingwa għal qalbu waqt din il-festa ta’ lingwi!
Din l-attività se tkun qiegħda ssegwi attività anċillari li se ssir fid-19 ta’ Settembru fi Spazju Kreattiv, bl-isem ta’ Żanżan Kelma, l-ewwel spelling bee bil-Malti.
Ħajr lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, Spazju Kreattiv, Merlin Publishers u Klabb Kotba Maltin.