Din is-sena, il-Fratellanza ta’ San Ġużepp qed tfakkar il-200 sena minn meta waslet l-istatwa ta’ San Ġużepp waslet fiż-Żurrieq. Dan se jkun imfakkar permezz ta’ festi speċjali f’din il-lokalità.
Nhar il-Ħadd 28 t’April se jsir pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ San Ġużepp fis-7pm, fejn se jieħdu sehem seba’ fratellanzi Ġużeppini.
Dan il-pellegrinaġġ se jitmexxa minn Rev. Patri Clive Camilleri, li huwa l-Gwardjan tal-Komunità Franġiskana fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fir-Rabat tal-Imdina.
Dawn il-festi speċjali se jkomplu nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju, fejn fil-Knisja Arċipretali taż-Żurrieq, fit-8pm, se ssir l-Akkademja Mużiko-Letterarja bis-sehem tal-Banda Queen Victoria.
Il-Banda se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Mauro Farrugia.
Il-Ħadd 5 ta’ Mejju hu jum il-festa ta’ San Ġużepp fiż-Żurrieq. Fis-6pm se ssir quddiesa li se tkun ikkonċelebrata minn Monsinjur Karm Merceica, l-eks Arċipriet taż-Żurrieq, waqt li tkun animata mill-Kor Parrokkjali ‘Cantate Domino’.
Wara toħroġ il-purċissjoni bis-sehem tal-ħames fratellanzi tal-paroċċa.
Fis-7pm, il-Banda Queen Victoria se tibda marċ minn Triq il-Kbira sa Misraħ ir-Repubblika.
Mal-wasla tal-istatwa fil-pjazza, tindaqq l-Antifona ‘Joseph Filii David’, kompożizzjoni tas-Surmast Mauro Farrugia u l-Innu lil San Ġużepp, kompożizzjoni tas-Surmast Emmanuel Bugeja.
Mal-Banda Queen Victoria jieħdu sehem it-Tenur Charles Vincenti u l-Baritonu Ivan Vella, taħt it-tmexxija tas-Surmast Mauro Farrugia.