Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva lbieraħ nieda l-inizjattiva Festi Inklussivi 2018. L-għan prinċipali ta’ din l-l-inizjattiva huwa li l-każini tal-banda ta’ madwar Malta u Għawdex jiġu mħeġġa joħolqu inizjattivi li bihom iħeġġu lill-komunità kollha tipparteċipa fil-festi tal-irħula u l-bliet tagħhom, inkluż il-persuni b’diżabilità u l-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis spjega kif din l-inizjattiva kienet waħda mill-inizjattivi tal-budget. Fond Festi Inklussivi għandu l-ammont finanzjarju ta’ €100,000. Anthony Agius Decelis tkellem kif il-festa tibqa’ waħda mill-attivitajiet l-aktar sinifikanti f’Malta u f’Għawdex u ta’ importanza kbira għal raġunijiet varji, fosthom dawk reliġjużi u kulturali. Il-festa tlaqqa’ flimkien u toħloq l-opportunità għall-individwi sabiex jingħaqdu flimkien f’ambjent li jferraħhom. Bħal kull fenomenu ieħor fis-soċjetà, il-festa għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd, kif ukoll tkun opportunità eċċellenti fejn jinħoloq ambjent ekwu, fejn kulħadd jieħu pjaċir u jipparteċipa.
Anthony Agius Decelis spjega kif ġie maħtur Bord tal-Għażla sabiex janalizza l-applikazzjonijiet li ser jiġu sottomessi mill-każini tal-banda. Il-massimu li każin tal-banda jista’ jibbenefika mill-Fond Festi Inklussivi huwa ta’ €10,000.
Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ lill-każini tal-banda joħorġu bi proġetti innovattivi li jagħmlu differenza fil-festa tal-belt jew raħal tagħkom. Il-proġett irid ikun jassigura li l-parti tal-festa li fiha jipparteċipa l-każin tal-banda rispettiv tkun aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità u/jew għall-anzjani. Il-proġett irid juri l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità u/jew l-anzjani u jippromwovi l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà b’mod ħolistiku. Barra minn hekk, il-proġett irid ikun ta’ xprun għall-kumplament tal-komunità u jkompli jħajjar aktar transformazzjonijet fl-imsemmija komunità.
Il-Kummissarju tal-CRPD Oliver Scicluna u rappreżentat tal-Għaqda Każini tal-Banda Emanuel Busuttil Dougall kienu preżenti għal din it-tnedija fejn faħħru din l-inizjattiva importanti. Preżenti kien hemm ukoll rappreżentanti mill-każini tal-banda ta’ madwar Malta u Għawdex.
Kopja tal-applikazzjoni Festi Inklussivi tista’ tinkiseb minn fuq is-sit www.activeageing.gov.mt. L-applikazzjonijiet ta’ Festi Inklussivi jagħlqu fil-31 ta’ Mejju 2018.