Matul il-ġimgħa li għaddiet, f’Birkirkara ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Santa Liena Imperatriċi Awgusta, li din is-sena wkoll jirriżulta li kisret tliet rekords nazzjonali.
L-ewwel rekord twaqqaf nhar is-Sibt filgħodu, waqt il-marċ tat-Te Deum, fi Triq John Borg fejn il-familja, magħmula minn Kurt Farrugia, martu Chantelle Farrugia Sacco u binthom Ylenia, tefgħu l-akbar ammont ta’ karti, mill-inqas ammont ta’ persuni u fl-inqas ħin minn fuq residenza privata.
Jirriżulta li, b’kollox, intefgħu total ta’ 81 xkora, b’piż ta’ 225 kilo, li ntefgħu bl-idejn minn għaxar persuni f’ħin ta’ żewġ minuti u 53 sekonda.
Biex imbgħad filgħaxija nkissru żewġ rekords oħrajn.
Fil-fatt, twaqqaf rekord nazzjonali tal-itwal spettaklu ta’ nar sinkronizzat bil-mużika, imħaddem minn switch board b’total ta’ 134 buttuna u f’ħin ta’ tmin minuti u 30 sekonda. Dan ir-rekord kien stabbilit mill-Għaqda tan-Nar 18 t’Awwissu, bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena A.D. 1919.
Ir-rekord nazzjonali l-ieħor kien jinvolvi l-akbar struttura ta’ mrewħa li taħdem bin-nar u tinħaraq fl-ispettaklu tan-nar tal-art b’qisien ta’ 56 pied fil-wisgħa u għoli ta’ 38 pied.
Dan ir-rekord ukoll sar mill-Għaqda tan-Nar 18 t’Awwissu, din id-darba bil-kollaborazzjoni mal-Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own tal-istess lokal.