It-tlettax-il edizzjoni tal-Qormi Wine Festival reġgħet magħna hekk kif din is-sena mistennija tkun waħda mill-akbar edizzjonijiet li saret tul dawn is-snin kollha.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Sindku ta’ Ħal Qormi, Jesmond Aquilina tenna li mhux faċli jżomm attività ta’ dan il-livell għal tlettax il-sena konsekuttivi.
Il-kumpanija Marsovin ser terġa’ tkun qed tiprovdi l-inbid lokali tagħha. Bernard Cassar, rappreżentant tal-istess kumpanija kif ukoll espert fl-inbid stqarr l-importanza tal-kwalità fl-inbid u wera aprezzament għall-mijiet ta’ bdiewa li tul is-sena jaħdmu sabiex jiprovdu l-aqwa prodotti. Prodotti li fl-aħħar mill-aħħar huma s-sors ta’ attivitajiet bħal dawn.
Dan il-Festival mistenni jibda l-Gimgha 25 ta’ Awwissu u jintemm s-Sibt 26 t’Awissu fejn l-attivitajiet jibdew fis-19:30 ta’ filgħaxija fi Triq il-Kbira Ħal Qormi ħdejn il-Knisja ta’ San Ġorġ Martri.
Din is-sena din l-edizzjoni se tinkludi gruppi ta’ Mużika bħall-Vinny Vella Band, Xarulu, Mark Spiteri Lucas Band u Karma Train. Kantanti oħra inklużi fil-programm huma Andreana u Chiara. Il-Banda ta’ Santa Marija ukoll se tkun preżenti fiż-żewġ serati b’daqq ta’ mużika fi Triq il-Blata.