Meta r-Rumani introduċew għall-ewwel darba s-Saturnalia, din kienet tikkonsisti f’ġimgħa ta’ anarkija bejn is-17 u l -25 ta’ Diċembru. Matul din il-ġimgħa, il-qrati ta’ Ruma kienu jagħlqu, il-liġi Rumana kienet tgħid li ħadd ma seta’ jiġi mtella’ l-qorti talli jkun għamel xi ħsara fil-proprjetà jew weġġa’ lil xi ħadd matul iċ-ċelebrazzjonijiet li kienu jsiru matul din il-ġimgħa. Il-festival kien jibda billi jintgħażel “għadu tal-poplu” li kienu jitimgħuh u jagħtuh kull pjaċir materjali matul il-ġimgħa. Imbagħad fil-25 ta’ Diċembru kienu joqtlu lill-vittma.
B’hekk kienu jemmnu li kienu qegħdin jegħlbu lill-forzi tad-dlam billi joqtlu raġel jew mara innoċenti.
Is-Saturnalia kienet ukoll ġimgħa li fiha kien isir kull xorta ta’ ħażen, stupru, ikel żejjed u xorb eċċessiv.
L-Insara pprovaw jirfinaw is-Saturnalia, iżda qatt ma rnexxielhom.
Għalhekk meta jkun hawn min jilmenta li tlifna l-ispirtu tal-Milied ma jkunx jaf x’inhu jgħid. Għax l-ispirtu tal-Milied għandu l-għeruq tiegħu mhux fid-Din Nisrani imma fil-kilba tar-Rumani għax-xalar, ikel bl-addoċċ u pjaċiri senswali ta’ kull xorta. Forsi iktar huwa korrett li ngħidu li erġajna lura għall-ispirtu oriġinali tal-Milied, jiġifieri dak pagan!
Fis-seklu erbgħa wara Kristu, il-Kristjaneżmu pprova jagħti libsa Kristjana lil dan il-festival ta’ Saturnalia bit-tama li jiġbed lejh ħafna mill-pagani li kienu jiċċelebraw din il-festa. Il-problema kienet li ma kien hemm xejn intrinsikament Kristjan dwar Saturnalia. Sabiex dan in-nuqqas ikun speċi kkoreġut, dawn il-mexxejja Kristjani daħħlu l-25 ta’ Diċembru bħala d-data tat-twelid ta’ Ġesù bil-għan li tingħata bixra Kristjana lil din il-festa pagana. Il-ħsieb kien li jużaw dan il-perjodu tas-sena li kien popolari ħafna mhux għax Ġesù twieled f’din id-data, iżda biex inaqqsu kemm jista’ jkun il-ħażen ta’ din il-festa!
Naturalment biż-żmien dan irnexxa almenu fost l-Insara. Dan seħħ għax il-Knisja min-naħa tagħha aċċettat b’mod indirett li tippermetti li f’dan il-perjodu barra li nfakkru t-twelid ta’ Ġesù tħalli li dawn il-vaganzi jiġu ċċelebrati wkoll kif kienu ċċelebrati mill-pagani iżda b’mod iktar dinjituż! Sabiex din il-festa tal-Milied tkun iktar ‘qaddisa’ beda jiddaħħal il-kant tat-tfal u l-mużika li maż-żminijiet saru sinonimi ma’ din il-festa. Kien minħabba l-oriġini pagana tal-Milied li din il-festa ġiet ipprojbita mill-Puritani u saħansitra l-osservanza tagħha kienet illegali f’Massachusetts fl-Amerka bejn l-1659 u l-1681. Madankollu, il-Milied kien u għadu jkun ċċelebrat mill-Insara madwar id-dinja kollha, mis-seklu sitta ’l hawn.