Propju għada tiġi ċċelebrata festa popolari fir-Rabat, dik ta’ San Anton Abbati fejn bosta huma dawk li jattendu għaliha speċjalment Rabtin.
Din il-festa tmur lura għal żmien l-Ordni tal-kavallieri ta’ San Ġwann meta l-Gran Mastru kien jibgħat il-bhejjem tiegħu biex jitbierku.
Sant Anton għex ħajja għal Alla bħala eremit fid-deżert fejn kien jiltaqa’ mal-annimali u jingħad li kien jieqaf iberikhom. Dan il-qaddis huwa marbut ħafna mal-istil ta’ ħajja sempliċi.
Proprjament din il-festa hija ċċelebrata mill-Arċikonfraternità ta’ San Anton Abbati u l-Madonna taċ-Cintura.
Din il-festa kienet tiġi ċċelebrata fuq skala kbira tant li anke kien isir il-logħob tat-tfal qabel quddiem il-kunvent tal-Agostinjani. Imma sfortunatament dawn l-aħħar sentejn naqqset ftit miċ-ċelebrazzjoni tagħha anke minħabba l-fatt li ġieli tkun ix-xita. Kien hemm drawwa wkoll li anke kienu jitbierku ż-żwiemel tal-kavallerija tal-pulizija, f’din l-okkażjoni.
Għada 14 ta’ Jannar ser ikun hemm ċelebrazzjoni Ewkaristika fl-10.00 mill-Provinċjal P. Raymond Francalanza OSA u fil-11.00 issir purċissjoni bl-istatwa u bis-sehem tal-banda L’Isle Adame.
Eżattament wara, isir it-tberik tal-annimali.