Waqt li kien qed iżur il-provi fi Pjazza Indipendenza, il-Rabat, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal kemm il-Karnival f’Għawdex huwa importanti għall-ekonomija f’pajjiżna. Huwa semma li l-Karnival f’Għawdex, mhux biss jiċċelebra l-kreattività u t-tradizzjoni, iżda wkoll iservi ta’ spinta qawwija għat-turiżmu u n-negozji lokali.
Il-Karnival f’Għawdex se jiftaħ b’parata spettakolari fi Triq ir-Repubblika, fejn il-pubbliku se jgawdi wirja ta’ kuluri, mużika u divertiment.
Issemma wkoll il-Karnival tan-Nadur, li se jsir fit-23 ta’ Frar li jinkludi sfilata fi Triq Diċembru 13 u spettaklu fil-pjazza, b’kostumi, żfin umoristiku, żfin għat-tfal, gruppi ta’ żfin għall-kbar, maskaruni u ħafna aktar. Il-jum se jintemm bil-Kukkanja tradizzjonali.
Dwar il-Karnival Spontanju tan-Nadur, li jsir wara nżul ix-xemx, u li se jsir bejn it-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu, huwa wieħed uniku u li mhux organizzat uffiċjalment. Hu qal li l-Karnival tan-Nadur, barra l-ispontanjeta, joffri spettaklu li jiġbed eluf ta’ nies b’maskli makabri, antiki, satiriċi u moderni, kif ukoll karrijiet kreattivi.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li kulħadd huwa mistieden għall-Karnival ta’ Għawdex, fejn il-kultura, il-kreattività u l-briju jissarrfu f’esperjenza unika għat-turisti u l-familji Maltin u Għawdxin.