Bejn il-ħamsa u tmienja ta’ Ottubru, il-ħemda tal-Belt Siekta, l-Imdina, se terġa’ tinkiser bit-tvenvin ta’ karozzi klassiċi, li għal edizzjoni oħra se jżuru pajjiżna għal dik li hi magħrufa bħala l-Malta Classic Weekend.
Wara nuqqas ta’ erba’ snin, l-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi numru ta’ avvenimenti li se jattiraw mhux biss lid-dilettanti tal-karozzi, iżda mijiet ta’ Maltin u turisti li jitpaxxew b’dawn il-karozzi li jinġiebu Malta għal dan l-avveniment.
Il-qofol ta’ din l-edizzjoni se jkun in-numru ta’ karozzi rari li mistennija jpaxxu l-għajnejn ta’ ħafna dilettanti u spettaturi li se jattendu.
F’ċelebrazzjoni tal-istil klassiku fl-isfond storiku tal-Imdina, f’The Malta Classic jipparteċipaw firxa sħiħa ta’ vetturi klassiċi, fosthom Lancia Aurelia B20, Alfa Romeo Giulietta Sprint u Ferrari 250 Testarossa.
Pamela Said mill-kumitat organizzattiv qasmet magħna ftit dettalji mill-avveniment u spjegat li, b’kollox, se jieħdu sehem bejn erbgħin u ħamsa u erbgħin karozza lokali u għoxrin oħra barranin.
“Għadna sewwieq li hu mill-Awstrija, li f’dawn l-aħħar snin dejjem b’xi Ferrari differenti u din is-sena se jerġa’ jiġi b’Ferrari Dino. Obviously it is very very limited, u bħala Taljani għandna Ferrari, Alfa, Fiat huma kollha vera karozzi limitati. Aħna vera qed inħarsu ’l quddiem biex jiġu hawn Malta biex narawhom.”
Said qasmet magħna il-programm tal-edizzjoni ta’ din is-sena.
Hija qalet kif “il-Ħamis se jkun hemm hillclimb fl-Imtaħleb. Il-Ġimgħa se jkollna konkors ta’ eleganza u konkors ta’ style ukoll li ħa ssir il-Marina Di Valletta. Plus hekk ukoll is-Sibt u l-Ħadd se jkun hemm it-tlielaq. Is-Sibt se jtellqu waħda waħda u l-Ħadd se jtellqu bħala grupp.”
Preżenti għat-tnedija tal-Malta Classic kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li sostna li r-relazzjoni bejn l-isport u t-turiżmu hi evidenti u għalhekk il-Gvern hu dejjem lest jappoġġja inizjattivi simili.
L-edizzjoni ta’ din is-sena qed isseħħ b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet, fosthom VisitMalta, Infrastructure Malta, LESA u Transport Malta.