“Komplu għinu lid-Dar tal-Providenza permezz tad-donazzjonijiet tagħkom.”
Dan kien l-appell tad-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, f’kumment ma’ ONE News waqt Festa ta’ Ġenerożità. Maratona li ssir kull l-ewwel ta’ Jannar tas-sena b’risq id-dar tal-Providenza.
Qal, “Nagħmel appell lill-poplu Malti u Għawdxi biex jgħin lid-Dar tal-Providenza. Id-Dar tal-Providenza toffri servizzi speċjali lil 115-il persuna u d-donazzjonijiet li l-poplu Malti se jkun qed jagħti se jmorru biex lil dawn il-persuni nagħtuhom dak kollu li jixtiequ u li għandhom bżonn biex jgħixu ħajja dinjituża u jingħataw id-drittijiet u d-dinjità tagħhom kif jixraq lil kull persuna.”
Il-maratona tad-Dar tal-Providenza issa saret appuntament annwali fil-kalendarji Maltin u Għawdxin fejn ta’ kull sena, fl-ewwel jum, tittella’ din il-maratona bil-għan li jinġabru fondi b’risq id-Dar tal-Providenza biex tkun tista’ tkompli toffri servizzi meħtieġa.
Fr Martin qal kif kull donazzjoni sservi ta’ għajnuna hekk kif tkompli tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż li għandha d-Dar tal-Providenza. Fil-fatt, fil-bidu ta’ din il-maratona, Fr Martin sostna kif biex tagħmel tajjeb għall-operat tad-dar, id-Dar tal-Providenza fis-sena qed toħroġ mas-sitt miljun u ħames mitt elf ewro.
Wieħed jista’ jagħmel donazzjoni bit-telefown filwaqt li jista’ jintbagħat ukoll SMS li jsarraf f’għotja għal dan il-għan proprju llum, sa nofsillejl
Ma’ dawn jistgħu jsiru wkoll għotjiet permezz ta’ Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.