Għal darb’oħra, il-‘Festa ta’ Ġenerożità’ b’risq id-Dar tal-Providenza se terġa’ tiġi organizzata taħt it-tinda l-kbira fil-parkeġġ tas-Siġġiewi. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet minn Fr Martin Micallef u Nadine Camilleri Cassano, Direttur u Amministratriċi tad-Dar rispettivament.
Il-‘Festa ta’ Ġenerożità’ fl-1 ta’ Jannar hi appuntament annwali, fejn id-Dar tista’ ddur lejn il-poplu Malti u Għawdxi biex jgħinha finanzjarjament, għax l-ispejjeż huma kbar. Fil-fatt, din id-Dar tal-Knisja għandha bżonn madwar seba’ miljun ewro kull sena biex topera.
Bħalma sar fis-snin preċedenti, il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni, inkluż ONE, bejn l-10:00 u nofsillejl.
Fr Martin ħabbar li s-sena 2025 se tkun sena speċjali għad-Dar tal-Providenza, għax se tkun qed tfakkar is-60 sena mit-twaqqif tagħha, avveniment li se jkun iċċelebrat bi tnedija ta’ strateġija għas-snin li ġejjin.
Strateġija li, fost l-oħrajn, tpoġġi d-deistituzzjonalizzazzjoni fiċ-ċentru tagħha fid-dawl tal-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’diżabilità billi toffri aktar servizzi residenzjali fil-komunità u alternattivi oħrajn ta’ sapport, skont ix-xewqat tal-persuna, kif diġà qed isir f’istituzzjonijiet tal-Gvern.