Fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida, għal sena oħra se ssir edizzjoni ta’ Festa ta’ Ġenerożità.
Dan hekk kif waqt programm televiż ta’ tnax-il siegħa, bejn nofsinhar u nofsillejl se jinġabru l-fondi b’risq id-Dar tal-Providenza.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mid-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef.
Qal, “Fl-ewwel ta’ Jannar nistiednu lill-poplu Malti u Għawdxi biex għal darba oħra jgħin lid-Dar tal-Providenza. Id-Dar tal-Providenza toffri servizzi residenzjali personalizzati lill-115-il persuna u għalhekk għandna bżonn iżjed minn €6 miljun biex inkunu nistgħu nsostnu l-ħidma tagħna u dawn il-persuni jkollhom dak li għandhom bżonn fil-ħajja tagħhom, bħal ħaddieħor.”
Sar aċċenn li waqt pandemija, id-Dar kompliet bl-operat tagħha.
Dan hekk kif ir-residenti tad-Dar tal-Providenza ingħataw il-vaċċin kontra l-Covid-19 u r-residenti bdew joħorġu mid-Dar u jiltaqgħu ma’ qrabathom.
Fr Martin Micallef qal kif din is-sena kienet waħda pożittiva, hekk kif id-Dar tal-Providenza ingħatat il-Premju Ċittadin Ewropew tal-Parlament Ewropew.
Fr Martin Micallef qal kif waqt din il-maratona se jsir irkant ta’ xogħlijiet tal-arti, li ngħataw minn tmenin artist.
Spjega, “Però hawnhekk il-pubbliku jista’ jiġi jagħti d-donazzjoni tiegħu xorta. Għandna drive-through fil-carpark tad-dar u dak li jkun jista’ bil-libertà kollha jagħti d-donazzjoni tiegħu.”