Id-Dar tal-Providenza għaddejja bit-tħejjijiet meħtieġa biex id f’id mal-pariri u l-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa, ittella’ l-Festa ta’ Ġenerożità fil-bidu tas-sena l-ġdida.
Din id-darba, il-ġbir ta’ fondi se jsir bis-sehem limitat tal-pubbliku, hekk kif dawk li s-soltu kienu jmorru jippreżentaw id-donazzjoni tagħhom fuq il-palk, din id-darba jistgħu jagħmlu dan online fuq Skype u jingħaqdu max-xandira xorta li se ssir fl-ewwel ta’ Jannar bejn nofsinhar u nofsillejl.
F’konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħodu ġie spjegat li minkejja li l-attivitajiet tas-soltu, din is-sena ma sarux, il-poplu Malti u Għawdxi xorta kien ġeneruż.
Ingħad li fl-aħħar xhur żdiedu l-ispejjeż biex jingħata ambjent ta’ dinjità lir-residenti u lill-ħaddiema f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji.
Min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan mil-lum sal-ewwel tas-sena, u d-donazzjoni tiegħu se tkun parti mis-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona.