L-għaqda Żejtun Organisation to Empower You (ŻOEY) u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun se jkunu qed jorganizzaw l-attività ‘L-Arti fil-Beraħ’ għada l-Ħadd, 9 ta’ Lulju, 2017 bejn 9.00 a.m. u 12.00 p.m. f’Misraħ San Girgor (maġenb il-Parroċċa l-Qadima magħrufa bħala Ta’ San Girgor), iż-Żejtun. Dan misraħ se jkun qed jinbidel f’festa ta’ arti u artiġjanat.
Attività mimlija b’arti differenti minn skulturi, pitturi, bizzilla, ċeramika, mużika, karozzi klassiċi u moderni u ħafna oħrajn, bil-parteċipazzjoni tal-Malta Mini Owners Club Malta, Classic Ford Cars Malta, u l-Klabb tal-Bizzilla.
II-misraħ se jkunu mdawwar b’artiġjana Maltin li se jkunu qed jesebixxu u juru l-proċess tax-xogħol artistiku tagħhom lill-pubbliku. B’hekk dawk li se jattendu se jkunu jistgħu jaraw il-proċess mill-bidu sal-aħħar.
L-artisti u l-pubbliku qed jiġu mistiedna wkoll biex jiġu jpitturi x-xeni mill-isbaħ li jaf joffri dan il-misraħ, fosthom il-Parroċċa l-Qadima taż-Żejtun li tmur lura għal 425 sena, djar tradizzjonali, u bini ieħor arkitettoniku.
Barra minn hekk, se tkun qed issir pittura kbira bl-għajnuna tal-pubbliku, li tippromovi d-diversità, wara kompetizzjoni li saret b’140 sottomissjoni. Dawn is-sottomissjonijiet ta’ arti minn tfal ta’ bejn il-5 u 13-il sena se jkunu qed jiġu esebiti wkoll.
Attività għall-familja kollha fil-belt taż-Żejtun, li żgur se tkun ta’ interess għal ħafna.