Nhar l-Imnarja se ssir l-ewwel edizzjoni tal-Hospice Malta Festa Sport, li fiha se jieħdu sehem diversi assoċjazzjonijiet sportivi biex jinġabru fondi għall-Hospice Malta.
Id-dħul mid-donazzjonijiet se jmur biex jitlesta s-St Michael Hospice, l-ewwel faċilità għall-kura paljattiva f’Malta.
Il-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, osserva kif, f’din il-Festa Sport, entità governattiva u s-settur tal-volontarjat, flimkien ma’ assoċjazzjonijiet sportivi, qed iwasslu l-messaġġ li, b’ħidma professjonali, nistgħu nagħmlu d-differenza.
Qal, “Għandek udjenza oħra ulterjuri, li hija l-udjenza sportiva, illi se tkun qed tagħti l-kontribut tagħha sabiex proprju Hospice tibqa’ tagħmel differenza fil-familji Maltin u Għawdxin kollha.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Hospice Malta, Kenneth Delia, qal li l-fondi miġbura se jiġu investiti f’servizzi ġodda u jitkabbru dawk eżistenti. Bħalissa l-Hospice Malta, li ilha topera 33 sena, qed toffri s-servizzi tagħha lil madwar 1,300 familja.
Qal, “B’din l-attività, flimkien b’kollaborazzjoni ma’ SportMalta, inkomplu nilħqu dan l-għan għaliex id-donazzjonijiet imorru dirett għal dan il-proġett. Allura nirringrazzjaw ħafna lil SportMalta u ’l-assoċjazzjonijiet u lill-pubbliku inġenerali, li se jissapportjawna f’din l-event.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, tkellem dwar kif, permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Sport Malta qed tmur lil hinn mill-ħidma tagħha fis-settur sportive u qed tgħaqqad l-isport ma’ għan nobbli ieħor.
Il-programm ta’ din il-festa sportiva se jkun varjat, b’għadd ta’ dixxiplini sportivi fosthom il-beach soccer fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa u anke turnew tal-isnuker.
Kull parteċipant se jintalab jagħmel donazzjoni żgħira li permezz tagħha jkun qed jgħin lill-Hospice Malta. Kulħadd huwa mistieden jipparteċipa.