Din is-sena il-festa ta’ Santa Marija f’Ħ’Attard ser tkun waħda speċjali. Dan minħabba li s-Soċjetà Mużikali ‘La Stella Levantina A.D.1894’ tal-istess lokalità qed tiċċelebra l-125 sena mit-twaqqif tagħha. Din is-Soċjetà rat il-bidu tagħha fl-1894, meta xprunati mill-Kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Karm Azzopardi, grupp ta’ nies waqqfu l-‘Casino La Stella Levantina’. Dawn in-nies kienu mmexxija minn Mastru Karmenu Debono, artist u dekoratur minn Ħ’Attard. Minnufih din l-Għaqda bdiet taħdem għall-festa ta’ Santa Marija, fejn il-membri tagħha ħadmu l-armar tal-festa, li wħud minu għadu jitgawda sal-lum, u għamlu wkoll il-pedestall tal-Vara ta’ Santa Marija. Kienu jieħdu sehem attiv fil-festa billi jistiednu baned kif ukoll b’kontribuzzjoni għal-logħob tan-nar.
Is-Soċjetà kienet isservi ta’ kenn għall-irġiel tal-lokalità dak iż-żmien, fejn sa mill-bidu tagħha sa ftit żmien wara l-Gwerra kien jittellgħa t-teatrin fil-Każin, u anke kellu l-orkestrina tiegħu.
Fl-1987 twaqqfet il-Banda Santa Maria fi ħdan l-istess Soċjetà, biex b’hekk Ħ’Attard kellu l-banda tiegħu, u fejn bdew jieħdu l-edukazzjoni mużikali ż-żgħażagħ Saraċini.
Biex jitfakkar dan kollu, il-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali ‘La Stella Levantina A.D.1894’ ħejja diversi attivitajiet, li bdew mill-bidu tas-sena, u li ser jilħqu l-qofol tagħhom fil-Festa. Fost l-attivitajiet li diġà twettqu hemm it-tħawwil ta’ Siġra fil-Ġonna ta’ San Anton mill-President ta’ Malta l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca lura fi Frar li għadda.
Fil-Festa ta’ Santa Marija ser ikunu inawgurati numru ta’ proġetti, fosthom standard kommemorattiv irrakmat kif ukoll statwa ġdida ta’ Santa Marija għall-festi esterni maħduma mill-artist Għawdxi Michael Cutajar Zahra. Dan flimkien ma’ numru ta’ memorabilia li saru kif ukoll ħarġa speċjali tal-ktieb tal-festa. Ser tkun mistiedna wkoll il-Banda King’s Own tal-Belt Valletta fit-12 t’Awwissu wara nuqqas ta’ żmien, Banda li għandha rabtiet storiċi ma’ din is-Soċjetà ta’ Ħ’Attard.
Mistiedna speċjali ser tkun l-Associazione Culturale Musicale Gelese ” Francesco Renda”, Banda minn Gela Sqallija. Din ser tieħu sehem fil-Marċ tal-Aħħar tat-Tridu fit-13 t’Awwissu flimkien mal-Banda Santa Marija b’daqq ta’ Marċi Brijjużi waqt li takkumpanja dimostrazzjoni bl-istatwa l-ġdida. Tkompli tieħu sehem fl-14 t’Awwissu fit-Transulazzjoni solenni b’daqq ta’ Marċi Reliġjużi Sqallin, u ser ittellgħa programm mużikali fil-15 t’Awwissu filgħaxija. Wara l-purċissjoni, l-istess Banda flimkien mal-Banda Santa Marija jagħlqu l-festa b’marċ.