Nhar is-Sibt 29 t’April ser ikun qiegħed jirritorna l-festival internazzjonali tan-nar fil-gżira Għawdxija, proprju fil-lokalità tan-Nadur.
Għal din il-festa piroteknika mistennija jipparteċipaw 12-il kamra tan-nar Għawdxija li huma: Għaqda Żgħażagħ La Stella, Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri, Vampa Organisations, Għaqda Festa Għajn Tuta ta’ Kerċem, Kumitat Festa tal-Madonna tal-Grazzja, Għaqda Piroteknika 10 ta’ Diċembru, Għaqda tan-Nar Kerċem, Għaqda tan-Nar 20 ta’ Lulju, Soċjetà Filarmonika Leone, Kumitat San Ġużepp Qala, Għaqda tan-Nar 29 ta’ Ġunju, u 15th August Fireworks Factory.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fil-preżenza taċ-Ċhairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif dan il-festival internazzjonali jkompli jsaħħaħ l-kompetittività ta’ pajjiżna fid-dinja turistika.
Qal, “Dan kollu se jkun qed ikompli jibni fuq l-investiment li qed nagħmlu sabiex nippromwovu lil Għawdex bħala destinazzjoni unika fil-gżejjer Maltin. L-għan tagħna huwa dak li t-turisti li jiġu f’pajjiżna jkollhom iżjed x’jaraw u għal din is-sena għandna xejn inqas minn 700 esebitur li qegħdin hawn Malta għall-International Fireworks Symposium.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rrimarka l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ festivals għall-gżira Għawdxija.
Huwa temm jgħid li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma fis-settur turistiku u sabiex aktar viżitaturi jagħżlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom.
Qal, “Fih se jieħdu sehem xejn inqas minn 12-il kamra tan-Nar minn Malta u Għawdex fejn se nkunu qegħdin intellgħu spettaklu mill-isbaħ mhux biss għar-residenti tagħna iżda dawk kollha li ser ikunu qegħdin jagħżlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom tul dan il-perjodu li ġej.”