Fl-10 ta filgħodu, fis-27 ta’ Mejju, propju ftit tal-ġimgħat oħra, il-Palazz ta’ Sant Anton ser ikun qed jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku, fejn għall-ewwel darba, il-pubbliku ser ikollu l-opportunita’ li jara il-kmamar statali li ġew inawgurati aktar kmieni dan ix-xahar.
Fil-fatt, matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Palazz ta’ Sant’ Anton għadda minn proċess ta’ restawr estensiv. Wara riċerka intensiva, numru ta’ kmamar li kienu jintużaw bħala uffiċini, ġew restawrati għal kif inhu maħsub li kienu jintużaw fi żminijiet preċedenti. B’reqqa kbira għad-dettal, dawn il-kmamar, illum huma patrimonju li jista’ jitgawda mill-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Apparti l-Kmamar Statali, waqt din l-attivita’, ser tinfetaħ ukoll is-suite tal-Mistednin Statali Mikiel Anton Vassalli. F’din is-suite, ġew ospitati nies bħar-Reġina Eliżabetta II u bosta Presidenti Barranin, l-aħħar wieħed ikun il-President tal-Albanija. Il-Ġnien Privat tal-Palazz ser ikun miftuħ ukoll, sabiex jitgawda minn min ser ikun qed jattendi.
Għal dawk li ser jattendu għal dan it-Tour tal-Palazz, inwiegħdu li ser tkun esperjenza sabiħa u memorabbli, għaliex il-kmamar kollha tal-Palazz, inklużi dawk ġodda, ser ikunu animati minn nies professjonali li ser ikunu libsin lbies ta’ l-epoka. L-istorja li ser tingħad lin-nies, li ser ikunu qed jaċċessaw il-Palazz fi gruppi, ser tkun waħda awtentika, dettaljata u ta’ interess.
Fil-bitħa tal-Palazz, dawk li ser jattendu jistgħu jgawdu minn ikel varjat ippreparat mill-kċina tal-Palazz stess. Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta ser tieħu ħsieb tallegra n-nies għal kunċert ta’ sagħtejn li jibda fil-11 ta’ filgħodu. Wieħed jista ukoll jgawdi minn bejgħ ta’ prodotti artiġjanali u edukattivi waqt din l-attivita’.Din l-attivita’ qed tiġi organizzata b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.
Għal aktar informazzjoni jew mistoqsijiet, il-pubbliku mitlub iċempel fuq 21226266, jibgħat email fuq mccf@gov.mt jew jaċċessa il-paġna tal-Malta Community Chest Fund Foundation fuq Facebook.